Jitilfu appell biex art f’Wied Balluta ma tiġix skedata għall-importanza ekoloġika

L-Imħallef Mintoff sostna l-Qorti m’applikat l-ebda liġi ħażina, u m’applikat l-ebda liġi flok oħra, kif kienu allegaw l-appellanti. 

Il-Qorti ta’ l-Appell, preseduta mill-imħallef Lawrence Mintoff, ċaħdet l-appell ta żewġ sidien t’art f’San Ġiljan minn deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar fejn kienu talbu li kawża li kienu fetħu għar-revoka ta l-iskedar tal-art terġa tinstema mill-ġdid. 

Philip Wismayer u Joe Fenech, is-sidien ta’ żewg porzjonijiet t’art fil-Wied tal-Balluta, ġewwa San Ġiljan, kienu fetħu kawża quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar fejn ikkontestaw id-deċiżjoni tal-Awtorità ta’ l-Ippjanar sabiex tinħareġ ordni għall-iskedar ta’ porzjoni art u ta’ protezzjoni għall-importanza ekoloġika fil-wied, fis-sena 2011. 

F’Mejju 2022, dan it-Tribunal kien ċaħad din it-talba, bl-ispejjeż kontrihom. 

Wismayer u Fenech ntavolaw appell mid-deċiżjoni tat-Tribunal quddiem il-Qorti ta’ l-Appell, li kienet wkoll miċħuda f’Diċembru ta’ dik is-sena. 

Biex waslet għal dik id-deċizjoni, il-Qorti kienet irrimarkat li fil-fatt l-appell ma kienx dwar punt ta’ liġi, iżda dwar l-apprezzament tal-fatti u provi tekniċi u xjentifiċi li għamel it-Tribunal, kif ukoll tal-konsiderazzjonijiet u konklużjonijiet tiegħu.  

“Madankollu anki bħala aggravji per se l-appellanti ma għandhomx raġun. Jibda biex jingħad illi mhux minnu li t-Tribunal ma qies il-provi tal-appellanti senjatament dawk tekniċi u għamel il-konsiderazzjonijiet tiegħu dwarhom,” qal l-imħallef. 

Il-Qorti nnutat li it-Tribunal kien infatti qies li f’waħda mill-porzjonijiet art ġie identifikat serp li jimmerita li l-art għandha tiġi skedata u kien anke għamel osservazzjoni li ż-żoni identifikati mill-appellanti ma kellhomx jittieħdu in iżolament iżda fl-intier tas-sistema tal-wied, li tinkludi x-xtut u l-‘valley sides’.  

“It-Tribunal qies li l-objettiv fondamentali ta’ dan it-tip ta’ skedar huwa biex jiġi protett il-wirt naturali fil-valur intrinsiku tiegħu li jevita tixrid ta’ ‘urban development’ fiż-żona protetta fis-sens wiesa’ tiegħu. Altru milli t-Tribunal ma fehmx il-kontestazzjoni u mertu tal-appell,” żiedet tgħid il-Qorti, u lanqas ma kien minnu l-allegazzjoni li t-Tribunal kien injora r-rapporti tekniċi tal-appellanti.  

Wara din id-disfatta, s-sidien tal-art kienu intavolaw rikors fejn talbu li l-każ tiġi ritrattata (terġa tinstema mill-ġdid) minħabba numru ta’ allegati difetti legali. 

Minn-naħa tagħha, l-Awtorita kkontendiet li l-appell oriġinali kien ġie miċħud għaliex ma kienx jirrigwarda punt ta’ liġi. Sostniet li dik il-Qorti m’applikat l-ebda liġi ħażina, u m’applikat l-ebda liġi flok oħra, kif kienu allegaw l-appellanti.  

Fid-deċiżjoni tiegħu dwar it-talba ta’ ritrattazjoni, l-imħallef Lawrence Mintoff beda milli nnoti li l-Qorti tal-Appell kienet diġa ddikjarat li l-appell tas-sidient ta’l-artijiet in kwistjoni “mhuwiex dwar punt ta’ liġi izda dwar l-apprezzament tat-Tribunal tal-fatti u provi teknici u xjentifiċi u l-konsiderazzjonijiet u konklużjonijiet raġġunti minnu,” u għalhekk l-ilment tagħhom “bil-kemm jista’ jiġi kkunsidrat li jittratta applikazzjoni ħażina tal-liġi minn dik il-Qorti.”  

L-imħallef żied jgħid li “ma jidhirx li r-ritrattandi kienu fehmu li huma mhux biss preklużi milli jitolbu eżami tal-fatti kif interpretati, iżda wkoll li huma ma jistgħux iserrħu l-ilment tagħhom fuq allegata interpretazzjoni ħażina tal-liġi kif effettivament qegħdin jagħmlu.” 

“...jirriżulta li bla dubju ta’ xejn, l-ilment tar-ritrattandi kien, u għadu l-istess, jiġifieri li l-porzjonijiet ta’ art li tagħhom huma s-sidien, m’għandhomx jitqiesu li jikkwalifikaw għal ħarsien taħt dawn l-imsemmija Policies. Għalhekk, għalkemm fil-bidu tas-sottomissjonijiet tagħhom fir-rikors ippreżentat quddiem din il-Qorti, huma jisħqu li l-Qorti tal-Appell m’applikat l-ebda liġi, is-sottomissjonijiet tar-ritrattandi li jsegwu, jittrattaw biss il-kwistjoni dwar għaliex il-porzjonijiet ta’ art in kwistjoni m’għandhomx jiġu skedati flimkien mal-kumplament taż-żona f’Wied il-Balluta…” 

It-talba għal smiegħ mill-ġdid ġie miċħud, bil-Qorti wkoll tordnali s-sidien li fetħu din il-kawża jbatu l-ispejjeż tagħha. 

More in Qrati u Pulizija