Rakkonti xokkanti waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza tas-serqa taż-Żurrieq

Il-vittma sofra ġrieħi f’rasu u kien mixħut f’għadira demm, b'idejh marbutin, wara li dan issawwat b'manku ta' sikkina

Il-Ħames 7 ta’ Settembru, il-Qorti semgħet kif allegatament il-grupp ta’ ħallelin li wettqu serqa minn ħanut tad-deheb fiż-Żurrieq ix-xahar li għada kienu sawwtu sid li ħanut, anzjan ta’ 67 sena, sal-punt li ntilef minn sensiħ. Hu għadu f’kundizzjoni kritika u m’huhiex qed jikkomunika.

Dan hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-grupp akkużati bis-serqa tal-25 t’Awwissu quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia.

Żewġ irġiel Marokkini; Zuhair Hadoumi ta’ 26 sena residenti Ta’ Sliema u Mohamed Anas Boualam ta’ 37 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, flimkien ma’ Donna Sciberras ta’ 29 sena li m’għandhiex indirizz fiss, kienu mressqin b’konnessjoni mar-reat erbat ijiem wara li dan ġie mwettaq.

L-Ispettur Lydon Zammit ta x-xhieda tiegħu, li damet aktar minn siegħa, fejn spjega fid-dettall ir-rakkont tal-investigazzjoni, li għadha għaddejja, kif ukoll l-arrest tat-tliet suspettati. Il-Qorti imponiet restrizzjoni fuq il-pubblikazzjoni ta’ ċertu dettalji, minħabba investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin fil-konfront ta’ terzi persuni.

It-tliet akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi ta’ attentat ta’ qtil, li kkawżaw ġrieħi gravi b’arma ppuntata, li żammew lill-vittma kontra r-rieda tiegħu sabiex jhedduħ, serq aggravate, kif ukoll li kkawżaw ħsara li tammonta għal aktar minn €2,500, fost akkużi oħra.

It-tfittxija għas-suspettati

Zammit spjega kif il-Pulizija rċeviet telefonata dwar sejbien ta’ persuna mitluf minn sensih, b’idejh marbutin, ġo ħanut tad-deheb. “Konna informati li dan kien sid il-ħanut u li ttieħed l-isptar.” Żied ukoll li kien f’kundizzjoni kritika.

Iben il-vittma kien qal lill-Ispettur li l-ewwel indikazzjoni li kien hemm xi ħaġa ħażina kienet meta missieru ma marx għal ommu fil-ħin li kienu ftehmu. Hu kien mar il-ħanut biex jiċċekkja jekk hux kollox sew, meta sab il-bieb tal-ħadid magħluq. Meta ttawwal minn bejn it-toqob tal-bieb, lemaħ lil missieru fil-kamra ta’ wara, marbut u ma jistax jiċċaqlaq, u b’hekk prova jisgassa l-bieb, iżda ma rnexxielux.

Kien wara li waslu aktar membri familjari li nkiseb l-aċċess, hekk kif wieħed minnhom kisser it-tieqa.

Il-vittma nstab f’għadira demm ġewwa kamra fuq wara tal-ħanut, fejn kien hemm żewġ sejfs, wieħed miftuħ u l-ieħor magħluq iżda mhux imsakkar.

Il-ħsara fil-ħanut kienet estensiva, kompla żammit, filwaqt li żied li kienet evidenti li biċċiet tal-ġojjellerija kienu neqsin.

"Deher li l-akbar resistenza saret wara l-bank minn fejn il-vittma kien jaqdi l-klijenti,” stqarr l-Ispettur. B’referenza għar-ritratti li ttieħdu mill-familjari tal-vittma, dawn juru kif il-vittma nstab rasu l-isfel b’idejh marbutin wara dahru.

Raġel li jgħix fil-viċin ra l-allegati jidħlu fil-ħanut, u rrakkonta lill-Pulizija kif dan kien fil-gallarija meta ra mara u żewġt irġiel jidħlu fil-ħanut u jagħlqu l-bieb warajhom.

Filmat li ttieħed minn kameras tas-sigurtà tad-djar tal-madwar juru kif l-allegati ħallelin ġew minn naħa tal-Knisja tal-lokal, qasmu t-triq lejn l-iskola, reġgħu qasmu għal ħdejn il-ħanut, u qattgħu ftit minuti barra.
It-tlieta dehru jidħlu fil-ħanut, immexxija mill-mara, fejn qattgħu 26 minuta qabel ħarġu u għalqu l-bieb warajhom.

“Donna Sciberras tingħaraf mill-filmat,” kompla jgħid l-Ispettur, Ir-rotta li ħadu l-allegati kienet traċċata permezz tal-kameras għal Blue Grotto Avenue, fejn biddlu l-karozza. Il-Pulizija għarfet lil Boualam mill-filmat li qabad il-bdil tal-karozza.

L-investigaturi nnotaw li it-tlieta kien waslu f’karozza tal-għamla Peugeot bajda, li waqqfithom viċin il-Knisja taż-Żurrieq. Sid il-karozza kien interrogat, u qal lill-Pulizija li l-vjaġġ kien ibbukkjat minn fuq Bolt minn profil bl-isem ta’ Anas Ines. Il-passiġġieri kienu miġbura minn Ħaż-Żebbuġ fis-6:31 p.m, u waslu ż-Żurrieq 20 minuta wara.

Aktar filmat meħud mill-madwar, kif ukoll mit-taxi nnifisha, turi lill-grupp ħiereġ minn residenza. Wara s-serqa, għamlu l-ħarba b’dik li dehret bħala taxi oħra. Investigazzjonijiet rigward min kien ix-xufier għadhom pendenti.

Mandati t’arrest għat-tliet suspettati kien maħruġin. Fl-ewwel indirizz li fittxew il-Pulizija, sabu raġel mill-Eġittu. Dan stqarr li Boaulam kien jgħix f’kamra fis-sular t’isfel u, riċentament, bdiet tgħix miegħu mara jisimha Donna. Meta l-Pulizija fittxew din il-kamra, instabu drogi.

Tfittxija fil-kamra tal-Eġizzjan waslet għas-sejba ta’ tikketta żgħira li tipikament tkun użata għall-ġojjelerija, flimkien ma’ ġakketta milbusa minn Donna Sciberras waqt is-serqa, mowbajl, u dokumenti ta’ Boualam, misluta tad-djamant, kif ukoll perla.

Instabet ukoll borża b’madwar 620 pirmla maħsuba ecstasy ġo waħda mill-gwardarobbi. L-Eġizzjan kien imressaq aktar tard b’akkużi relatati ma’ drogi, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Xi ħadd lemaħ wieħed mis-suspettati is-Sibt 26 t’Awwissu fit-3:15 a.m, hekk kif dan qabad taxi minn Sa Maison lejn Ta’ Sliema, iżda l-informazzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex dan jinstab. Madankollu, il-Ħadd 27 t’Awwissu, l-investigaturi kienu mgħarrfin li isem it-tielet suspettat kien Zuhair Hadoimi, li possibbilment kien qed jgħix San Ġwann jew Ta’ Sliema.

L-arrest

Appartament f’ Ta’ Sliema f’Triq Manoel Dimech kien identifikat. Il-Pulizija daħlu fil-binja u sabu lit-tliet suspettati, li pruvaw jaħarbu billi jaqbżu l-bjut. L-irġiel instabu fuq bjut fil-madwar filwaqt li Sciberras instabet fuq il-bejt tar-residenza stess. It-tlieta li huma kienu arrestati.

Il-Pulizija wettqet numru ta’ tfittxijiet f’appartamenti oħra, fejn instab basket iswed b’€1785, u ieħor b’aktar flus, salib tad-deheb, u tikkitta simili ta’ dik li nstabet fid-dar ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Fl-apparetament stess instab wieħed minn żewġ arloġġi f’basket, li ġie identifikat bħala wieħed li ingħata lill-vittma għal tiswijiet ftit qabel is-serqa. Fil-basket kien hemm ukoll dokumenti tal-vittma.

Ġo basket ieħor li nstab fit-taraġ li jagħti għall-bejt kien hemm arloġġi, imsielet u ġojjellerija, kif ukoll business card tal-ħanut tad-deheb minn fejn saret is-serqa.

Sid ta’ dgħajsa li kienet irmonkata fil-Martina ta’ Ta’ Xbiex għadda lill-Pulizija borża li kien sab abbandunata viċin id-dħul tal-Marina. Din kienet il-borża li fiha l-arloġġ imkisser kien ingħata lill-vittma, u fiha kien hemm dokumenti tal-vittma kif ukoll strument aħmar li jkisser il-ħġieġ.

Wara li ġiet arrestata, Sciberras wasslet lill-Pulizija għal dar abbandunata f’Tal-Pieta’, fejn il-grupp kien qed jgħix. Meta fittxew il-post, il-Pulizija sabet numru ta’ kaxxi vojta bil-marka u l-indirizz tal-ħanut minn fejn saret is-serqa.

Boualam jgħid li Hadoumi kien li sawwat lill-vittma

Boualam kien l-ewwel li kien interrogat. Hu qal lill-Ispetturi Steven Gulia u Shawn Pawney li kien preżenti waqt is-serqa iżda ma kienx hu li sawwat lill-vittma. Hu wassal lill-Pulizija għall-post fejn kien ħeba l-passaport tiegħu, xi ġojjellerija u €3920 fi flus kontanti li qal li kienu tiegħu u mhux frott ir-reat.

Spjega wkoll kif kien iltaqa’ ma’ Hadoumi u Sciberras f’kafetterija f’Ta’ Sliema jumejn qabel is-serqa, fejn qalulu fuq il-pjan. Hu xehed li kien Hadoumi li sawwat lill-vittma. “Hu qal lil Donna tidħol l-ewwel, li kellha sikkina fil-but, li bil-manku tagħha ssawwat il-vittma.” Hu spjega kif Hadoumi kien qabad lill-vittma minn għonqu, tefgħu mal-art u tah xi daqqiet. Xehed ukoll kif is-sehem tiegħu kien fl-irbit tal-vittma u fit-tkissir tal-vetrini tal-ħġieġ.

Hu qal ukoll kif ammont mid-deheb misruq jista’ jkun li diġa xtara minn terzi persuni L-investigazzjonijiet fuq dan għadhom għaddejjin, qal l-Ispettur Zammit.

L-interrogazzjoni ta’ Sciberras

Wara kienet interrogate Sciberras, li rriffjutat l-għajnuna legali. “Hi kkooperat mal-Pulizija mmedjatament u ammettiet li l-informazzjoni għaddietilhom minn terza persuna, li talab kumpens wara s-serqa.” Stqarret ukoll kif persuni oħra kienu se jkunu involuti, iżda Boualam għażla li finalment ma jinkludihomx.

Sciberras qalet ukoll li ma kinitx hi li garret is-sikkina, iżda Hadoumi, u li kien hu li l-aktar sawwat il-vittma. L-Ispettur żied li Sciberras u Hadoumi kienu f’relazzjoni, u li Sciberras kellha tpinġija t’ismu fuq idha.

Hi qalet li l-vittma kien imsawwat sakemm intilef minn sensih wara li dan prova jgħajjat.
L-allegati ma kienux ibbukkjaw it-taxi li ġabrithom, żiedet tgħid, iżda kien ix-xufier li kien sejjaħ lil Boualam. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin f’dan ir-rigward.

Priġuniera fil-ħabs tkellmet mal-Pulizija fuq kif hi kienet tkellmet ma’ Sciberras meta dawn kienu t-tnejn ħabsin, u li l-ħanut tad-deheb kien imsemmi. Madankollu, hi nnegat li tat informazzjoni dwar is-sigurtà tiegħu u kienet irrifjutat li tappartjenti fir-reat.

Jixhdu nies li kienu fil-madwar
L-ewwel persuna ċivili li tat ix-xhieda tagħha rrakkontat kif hi kienet fil-karozza tagħha viċin bandli fil-viċinanzi tal-ħanut, tistenna lil żewġha. Hi nnotat iż-żewġ irġiel mexjin lejn il-bandli hekk kif ħarġet mill-karozza sabiex tmur fuq in-naħa tal-passiġġier sabiex ikun jista’ jsuq żewġha. Hekk kif rat wieħed minnhom miexi lejn il-karozza, reġgħet daħlet fin-naħa tax-xufier u saqet. Hi identifikat iż-żewġ irġiel fil-Qorti.

Il-prosekutur Anthony Vella staqsa jekk semgħathomx jitkellmu, fejn hi wieġbet fl-affermattiv, iżda m’għarfitx il-lingwa għax la kien bil-Malti u lanqas bl-Ingliż.

Ta x-xhieda tiegħu ukoll anzjan li kien jgħix ftit ilbogħod mill-ħanut. Hu spjega kif kien id-dar dak il-ħin, x’ħin lemaħ tliet persuni jippassiġġaw “b’mod suspettuż.” Hu rrakkonta kif ra mara u raġel irqiq iħabbtu, u l-vittma fetħilhom. Ir-raġel imbutta l-bieb u daħal ġewwa. 10 minuti wara ġie raġel li kien fih kemmxejn aktar, li daħal u għalaq il-bieb. Nofs siegħa wara kien hemm ħafna Pulizija. Hu għaraf lil Boualam bħala t-tieni raġel, li ftakar li kien liebes flokk bin-numru 35 kbir impitter fuqu.

Jixhdu l-ewwel Pulizija fuq il-post

Surġent li kien stazzjonat iż-Żurrieq ta x-xhieda tiegħu wara. Hu rċieva telefonata fejn kien infurmat li raġel kien imsakkar li ħanut u kellu bżonn l-assistenza. Fuq il-post sab iben il-vittma, li nforma l-Pulizija b’dak kollu li kien jaf. Is-surġent irrakkonta kif setgħu jaraw biss raġel b’wiċċu mal-art b’idejh marbutin wara dahru, iċaqlaq saqajh u jagħmel il-ħsejjes. Ftit wara waslet fuq il-post bint il-vittma. L-iben u persuna oħra irnexxielhom jiksbu access wara li kissru tieqa u daħlu ġewwa. Uffiċċjali tal-Protezzjoni Ċivili waslu ftit wara u fetħu l-bieb ta’ quddiem.

Is-surġent spjega kif il-vittma kien sofra ġrieħi f’rasu u kien mixħut f’għadira demm. Iż-żewġ sejfs kienu miftuħin u vojta.

Kundistabbli li akkumpanja lis-surġent ta rendikont simili ta’ dak li qal il-kollega tiegħu qablu.

Tmien is-seduta

L-avukat Mark Mifsud Cutajar informal ill-Qorti li ma kien se jkun hemm l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju, għal raġunijiet li ma jimplikawx il-ħtijja tal-klijenti tiegħu.

Il-Qorti ddikkjarat li semgħet biżżejjed evidenza sabiex it-tlieta jkunu mressqa, bid-deċiżjoni issa f’idejn l-avukat ġenerali jekk hemmx bżonn ta’ aktar kumpilazzjoni ta’ evidenza.

Is-smigħ kien aġġornat għal nofs Ottubru.

L-avukat Brandon Kirk Muscat deher għal Sciberras, filwaqt li Mark Mifsud Cutajar deher għal Hadoumi u Boualam.
 

More in Qrati u Pulizija