Sentenza ta' priġunerija wara li xejjer mus lejn sid karozza li nstab fiha

L-akkużat kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u kien għadu kemm jiġi rilaxxat mill-Isptar Monte Karmeli

Raġel li xejjer mus lejn sid ta’ karozza li kien jinsab fiha, filwaqt li heddu li joqtlu, ingħata sentenza ta’ priġunerija mill-Qorti.

Ir-raġel, Libjan ta’ 35 sena residenti l-Imsida, kien arrestat lura f’Ġunju, wara li kien innotat f’karozza tat-tip Mercedes ipparkjata f’Triq it-Torri Point Avenue minn raġel ieħor li kien miexi fit-triq, wara li dan sema’ l-alarm tal-karozza jdoqq.

Waqt xhieda li ta persuna li kien miexi fit-triq, hu stqarr kif hu nniffsu u sid il-karozza kienu provaw iżommu lir-raġel. Hu spjega kif sid il-karozza qabdu, ħarġu u mexxih ftit ilbogħod mill-karozza. Imbagħad, semagħhom jitkelmu lingwa li ma fhemx, probabilment bl-għarbi. Sid il-karozza kien qallu li se jħalliħ imur, għax kellu l-ġuħ. Kien hawnhekk fejn ir-raġel ħareġ mus u qal li se joqtlu jekk dan iċempel lill-Pulizija.

Sid il-karozza ta stqarrija simili. Spjega wkoll kif sieħbu tajjarlu l-mus minn idejh, u hu żammu mal-art sakemm waslet il-Pulizija.

Il-Pulizija ma rnexxielhiex tikkalma lir-raġel, li kompla jhedded lil kulħadd, jgħajjat “noqtol lil kulħadd la niġi lura.” Wieħed mill-Uffiċċjali li kien preżenti waqt l-arrest spjega kif ir-raġel deher xurban, u li fuq persuntu instabet ittra li tgħid li dan kien għadu kemm ġie rilaxxat mill-Isptar Monte Karmeli.

Ir-raġel kien imressaq fuq akkużi ta’ attentat ta’ serq aggravat, theddid, talli kien fis-sakra f’post pubbliku, talli ma segwix il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, u talli kien riċediv.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace qalet li ma kienx hemm provi biżżejjed relatati mal-akkużi ta’ sakra f’post pubbliku u ta’ riċediviżmu. Però, l-Qorti kkundannatu għal 20 ġurnata priġunerija għat-theddid u l-attentat ta’ serq aggravat, u erba’ xhur oħra talli kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Il-garanzija ta’ €15,000 marbuta ma’ dan kien konfiskati wkoll.

More in Qrati u Pulizija