Arrestat wara li seraq cash register vojta minn ħanut f’Hal Qormi

Il-ħalliel libes parrokka u ħarab b’karozza li saq sa daru

Raġel ta’ 43 sena minn Hal Qormi ġie arrestat wara li seraq cash register vojta minn ħanut tal-ikel f’Hal Qormi għall-ħabta tat-3:30 a.m. Il-flus kienu għadhom kemm tneħħew minn ġo fiha mill-impjegati.

Filmati mill-kameras tas-sigurtà juru raġel liebes parrokka b’kanna f’idu jaqbeż minn fuq il-bank tal-ħanut, u jaħrab bil-kexxun tal-cash register.

Huwa ħarab minn fuq il-post b’karozza tat-tip Opel Astra lewn il-fidda. Meta l-Pulizija segwew ir-rotta li kienet ħadet din il-karozza, din waslithom għal quddiem id-dar tal-ħalliel. Hu deher joħroġ mill-karozza u daħal f’garaxx fil-viċinanzi. Ftit tal-ħin wara, mill-garaxx ħareġ raġel mingħajr flokk u parrokka, li kien liebes l-istess karkur u xorts.

Jumejn qabel, raġel liebes l-istess flokk seraq numru ta' fwejjaħ minn ħanut ieħor f'Hal Qormi.

Madanakollu, il-Pulizija kienu diġa identifikaw min hu mill-filmat tal-kameras. Dan għalhiex, għalkemm kien liebes parrokka, wiċċu kien magħruf magħhom, hekk kif kien għadu kemm joħroġ mill-ħabs xahrejn qabel.

Fl-2020, kien weħel erba' snin ħabs wara li daħal jisraq minn ħanut tal-lottu, liebes maskra kiruġika ma' wiċċi u oħra fuq rasu, għalkemm dakinhar ukoll kienu għarfuh.

Meta ġie arrestat, hu wieġeb ħati għall-akkużi kollha mressqa kontrih, fosthom serq aggravat u li hedded l-impjegati tal-ħanut.

Kien akkużat ukoll li hu riċediv. Il-prosekuzzjoni spjegat kif, għalkemm kien għamel sforz biex jirriforma ruhu, kien reġa waqa’ fil-vizzju tad-droga. Madanakollu, innotat kif dan ikkopera mal-Pulizija u frott is-serqa ġie rritornat lil sidu.

L-imputat m’għamel l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, u qed jinżamm fil-kustodja tal-Pulizija sakemm tinqata’ s-sentenza fil-konfront tiegħu aktar tard dan ix-xahar.

More in Qrati u Pulizija