Jinżamm arrestat wara li allegatament inqabad bid-droga u aggredixxa pulizija waqt l-arrest

L-imputat kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq akkuża separata

Il-Qorti ma tatx il-ħelsien mill-arrest lil raġel li qed ikun mixli li aggredixxa uffiċjali tal-pulizija waqt li kienu qed jarrestawh, kif ukoll pussess aggravat ta’ kokaina u cannabis.

Ir-raġel, li għandu 31 sena mill-Mali, huwa residenti f’lukanda f’San Ġiljan, ġie mressaq quddiem il-Maġistat Joseph Gatt nhar il-Ħamis 10 t’Awwissu.

L-Ispettur Zachary Zammit ressaq l-akkużi, fejn l-imputat hu mixli b’pussess ta’ madwar 16-il gramma kokaina u 5 grammi cannabis. Iċ-ċirkostanzi jindikaw li dawn ma kienux għall-użu personali.

L-imputat qed jaffaċċja wkoll akkużi li hedded uffiċjal tal-pulizija u kkawżalu ġrieħi ħfief.

L-Ispettur Zammit qal quddiem il-Qorti li l-akkużat kien diġa ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq akkuża seperata li tmur lura għal Novembru tal-2022. Madanakollu, hu kien naqas milli jmur jiffirma l-għassa.

Meta l-pulizija marru sabiex jarrestawh fit-8 t’Awwissu, hu prova jaħrab minn fuq il-post, u allegatament prova jarmi basket li kien fih id-droga.

L-imputat ċaħad l-akkużi li ġew imressqa fil-konfront tiegħu.

L-avukat Martin Farrugia deher għall-imputat.

More in Qrati u Pulizija