'Ixtrili d-droga inkella mmur għand in-nanniet u nwerwirhom' - iben lil ommu

Omm u oħt l-akkużat kellhom isakkruh ġewwa kamartu, tant kemm beżgħu minnu

Żagħżugħ jingħata tliet snin probation, ordni li jieħu trattament u ikkonfiskatlu €11,000 f'depożitu għall-ħelsien mill-arrest hekk kif sabet li sforza lill-ommu tixtrilu d-drogi wara li heddida li jwerwer lin-nanniet. 

Iż-żagħżugħ kien akkużat li uża l-vjolenza psikoloġika u morali kontra ommu u oħtu, li heddidhom fiżikament u li kiser dak li ordnatlu l-Qorti. Oħtu għażlet li ma tixhedx kontrih, li sussegwentament wassal biex l-akkużi tagħha waqgħu. 

Il-Qorti semgħet li l-akkużat ilu bil-vizzju tad-droga minn meta kellu 13-il sena, jiġifieri kważi 10 snin. F'Ottubru li għadda, ommu u oħtu għamlu rapport għand il-pulizija li kien qiegħed jagħmel użu minn droga sintetika u li kien ħa lill-ommu l-Marsa u sfurzaha tixtrilu d-droga għal tliet sigħat sħaħ. Hija irrifjutat iżda huwa sar vjolenti u heddida li se jkissrilha d-dar u l-karozza. 

L-omm xehdet li dawn it-talbiet kienu jsiru kull lejl u kien jheddida li kien se jmur għand in-nanniet u jwerwirhom jekk ma tagħtihx il-flus għad-droga. Fir-rapport tal-Pulizija intqal li l-omm u l-oħt kienu saħansitra jsakkruh f'kamartu, tant kemm kienu jibżgħu minnu. 

B'kumbinazzjoni, sakemm kienet qed tagħmel ir-rapport l-għassa binha ċemplilha u semmgħet lill-uffiċjali dak li kienet qiegħda tgħaddi minnu. Fil-fatt huma semgħuh jidgħi u jgħajjat. Minn hemm huwa ġie arrestat u filwaqt li rrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Pulizija huwa aċċetta li jieħu l-għajnuna. 

Hija qalet li dan l-aħħar d-dipendenza tiegħu fuq id-droga tant kienet gravi li kien qed iqajjimha f'nofs ta' lejl biex joħodha tixtri. Minkejja kollox l-omm qalet li tixtieq li tgħin lil binha, li ħafritlu u li kienet lesta li tieħdu lura d-dar. 

L-uffiċjal tal-probation qalet li għadu wisq kmieni biex jiġi identifikat progress u li kien jidher li ma riedx li jaffaċċja u jsolvi l-problema li kellu, tant li irrekomandat li ma jittiħidx jagħmel il-programm ta' rijabilitazzjoni. 

"Persuni bħall-akkużat iridu jirrealizzaw li l-membri tal-familja mhux se jkunu hemm għal dejjem u ma jistgħux jistennew li se jkunu hemm lesti biex jaħfrulhom," qalet il-Maġistrat. Kien hawn li sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih. Madankollu saħqet li sentenza ta' priġunerija tista' tiggrava s-sitwazzjoni. Għaldaqsant, l-iben issa se jerġa' jirritorna mal-omm.  

More in Qrati u Pulizija