Serqet lil ommha biex tkun tista' tixtri d-droga

Fil-Qorti qalet li ilha tagħmel użu mid-droga minn meta kellha 15-il sena u li ma kelliex saqaf fuq rasha

Mara ta’ 34 sena tressqet il-Qorti akkużata li serqet il-ġojjellerija ta’ ommha biex tkun tista’ tmantni l-vizzju tad-droga.

L-akkużata m'għandhiex saqaf fuq rasha u qalet li kienet ilha tagħmel użu mid-drogi mill-età ta’ 15-il sena. Kawża ta’ din l-istess problema preċedentament kienet ukoll prostituta.

Hija ġiet akkużata li, f’Ottubru li għadda, serqet ġojellerija b’valur ta’ €800 mid-dar ta’ ommha, f’Santa Venera. Min-naħa l-oħra fil-25 ta’ Jannar serqet basket li fih kellu €600 fi flus kontanti minn karozza ipparkjata. L-Ispettur f’dan il-każ informa lill-Qorti li sid il-vettura ħalla l-karozza miftuħa u li s-serqa ġiet maqbuda fuq filmat tas-CCTV.

Apparti minn hekk hija qed tiġi akkużata li kisret waħda mill-kundizzjonijiet tal-arrest tagħha fil-5 ta’ Frar.

Filwaqt li ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest, l-avukat tad-difiża kif ukoll tal-prosekuzzjoni qablu li l-mara kellha bżonn l-għajnuna biex tegħleb il-problema li kellha. Waqt l-investigazzjonijiet hija ikkoperat tajjeb mal-pulizija u qalet li kienet wettqet dawn ir-reati minħabba l-vizzju tagħha.

Għalhekk filwaqt li hija nżammet arrestata, l-avukat tagħha talab lill-Qorti biex tingħata l-assistena li kellha bżonn.

More in Qrati u Pulizija