'Kien qed jgħalli l-ilma għall-għaġin u heddidha li se jismotha bih'

'Kienet taf li kien se joqtolha'... Iz-zija ta' Bernice Cilia tixhed fuq l-attakki vjolenti li rat b'għajnejha

Illum kompliet il-kumpilazzjoni ta' evidenza kontra Roderick Cassar, li allegatament qatel lil martu Bernice Cilia, fit-22 ta' Novembru 2022. Hekk kif dan huwa t-tieni jum li l-Qorti qed tisma' x-xhieda, illum, tkellmu esperti tal-forensika kif ukoll membru tal-familja ta' Cilia. Iz-zija ta' Bernice saħqet li Bernice kienet taf li kien se joqolha, tant li darba qaltilha, "issa joqtolni jmiss." 

Infakkru li Roderick Cassar huwa l-ewwel persuna li qiegħed jiġi akkużat b'femċidju hekk kif il-liġi l-ġdida daħlet fis-seħħ ftit qabel il-qtil. 

Irrakkontat ukoll li darba kien qiegħed jgħalli borma ilma għall-għaġin u kien qalilha li ried jismotha biha. "Ċemplitli tibki," qalet iz-zija. Dan filwaqt li qalet li huwa kien pussessiv u li dejjem ried ikollu kontroll fuq kollox. Dan filwaqt li qalet li ma kienx jieħu ħsieb lit-tfal. 

Waqt din is-seduta z-zija iddeskriviet lil Bernice bħala t-tifla li qatt ma kellha. "Apparti li kont zitha, jien kont qisni omm għaliha." Hija spjegat li fl-Ewwel Jum tas-sena 2022, ċemplet lill-familja Cassar u wieġbet bintha, ta' erba' snin, bid-dmugħ f'għajnejha. Hija xehdet li ma setgħetx tifhem x'kienet qed tgħid iżda Bernice qabdet il-mobile u qaltilha li kienet se tispjegalha x'ġara aktar tard. 

Hija kompliet tgħid li kemm Bernice kif ukoll uliedha kienu jibżgħu minn Cassar. "Hu kien irid joħroġ ma' sħabu iżda hi qatt ma riedet. Kienet mara tal-familja, uliedha kienu l-priorità tagħha. Qatt ma kien jonqoshom xejn," kompliet tgħid ix-xhud. 

Dakinhar ta' Jum l-Omm, l-istess jum li Bernice telqet minn darhom darba għal dejjem, huwa kien taha daqqa ta' ponn f'wiċċha u heddidha b'sikkina. "Ġibidha minn xagħarha u taha daqqa ta' ponn quddiem ħuh," kompliet iz-zija. 

"Uliedha kienu t-teżori tagħha u telqet mid-dar mhux għaliha biss, iżda għax ma riditx tħallihom f'ambjent ta' vjolenza. Qaltilna li kien se joqtolha u hekk għamel. Aħna irrabjati" qalet ix-xhud. 

Xehdet ukoll Dott. Marisa Cassar, esperta tad-DNA maħtura mill-Qorti bħala parti mill-Inkjesta Maġisterjali. Hija spjegat dwar ir-rapport tagħha u qalet li fix-xena tad-delitt kien hemm demm li jindika li kien ta' Bernice Cilia kif ukoll ta' Roderick Cassar. Id-DNA tiegħu nstabet ukoll fuq Tomahawk shotgun - u partijiet oħra tiegħu - kif ukoll fuq il-flokk tal-vittma. 

Waqt il-kontro-eżami, l-avukat tad-difiża Franco Debono staqsiha dwar is-suspett tal-akkużat, li kienet qed taqlibielu. Hija xehdet li Bernice kienet qaltilha li hu kien qiegħed jagħmel dawn l-akkużi. Qalet ukoll li f'inċident partikolari kienet semgħetu jakkużaha wkoll u hi kienet assiguratu li dan ma kienx minnu. 

Espert tal-IT qal li ż-żewġ mobiles tal-vittma ma kellhomx SIM card u li dan il-fatt kienet qed tikkawża dewmien biex tinġabar l-informazzjoni. L-Ispettur Wayne Camilleri spjega li l-akkużat ammetta mal-Pulizija li kien ħadhom u tefahom fit-toilet. 

X'ħareġ ilbieraħ mill-Qorti? 

Intant ilbieraħ irriżulta li ħaddiem tal-MCAST ra d-delitt iseħħ quddiemu. Huwa iddeskriva sal-inqas dettal x'ġara meta Roderick Cassar imblokka t-triq biex martu ma tkunx tista' tgħaddi. Huwa irrakkonta li ra lil Cassar joħroġ lil vittma mill-karozza, isawwatha u meta semaha titlob għall-għajnuna ċempel lill-112. Minkejja dan, ftit mumenti wara sema' sparatura u kien hemm li lemaħ lil Bernice mal-art. Ħaddiema oħra tal-MCAST qalet li semgħet sparatura mit-tielet sular tal-iskola. Meta ħarset mit-tieqa kienet lemħet mara tibki. 

B'kollox Bernice kienet għamlet tliet rapporti ta' vjolenza domestika fl-aħħar ħames xhur qabel il-qtil tagħha. L-aħħar rapport kien lejliet id-delitt meta Cassar kiteb fuq Facebook li t-tpattija kienet importanti, flimkien ma' isimha u isem kollega tagħha. 

Il-każ se jkompli nhar is-16 ta' Marzu. 

More in Qrati u Pulizija