Raġel li kien f'sakra kbira jispiċċa fl-inkwiet wara li qabad ħadida u beda jagħti fuq mutur

Huwa kkawża aktar minn €2,500 fi spejjeż filwaqt li kkawża ġrieħi ħfief fuq raġel li kellu ġlieda miegħu

Raġel spiċċa bi ġrieħi ħfief wara inċident li ra raġel ieħor mill-Peru akkużat illi kkawża dawn il-ġrieħi permezz ta' arma bil-ponta, li kkawża danni ta' €2,500 fuq proprjetà privata u li kiser il-paċi pubblika. Jirriżulta - minn dak li l-akkużat stess qal - li huwa kien fis-sakra wara li xorob ħafna vodka u spiċċa fi ġlieda. Ħin minnhom waqt il-ġlieda huwa qabad ħadida u beda jagħti fuq il-mutur li kien proprjetà ta' persuna terza li ma kellha ebda rabta mal-inċident. 

L-Ispettur Jonathan Ransley informa lill-Maġistrat illi l-akkużat kellu kondotta nadifa. Huwa wieġeb 'mhux ħati' għall-akkużi miġjubin kontrih. 

L-akkużat indirizza lill-Qorti u spjega illi huwa kien ixxukkjat meta rrealizza x'kien għamel u ħassu imbarazzat, hekk kif qal li mhux fil-karattru tiegħu li jġib ruħu b'dan il-mod u li dak li ġara, seħħ għax kien fis-sakra. 

Il-Qorti nnutat li l-fatt li kien f'sakra kbira ma jiskużax lill-akkużat. L-Avukat Difensur Daniel Attard talab għall-ħelsien mill-arrest, li kien mogħti mill-Qorti fuq garanzija personali ta' €5,000 u filwaqt li l-akkużat kien ordnat jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-eqreb għassa tal-pulizija. Il-Qorti qalet ukoll li l-akkużat kellu jibqa' jaħdem biex iħallas tal-ħsarat li saru fuq il-mutur. 

More in Qrati u Pulizija