Akkużat li spara f'wiċċ raġel li għandu għalqa ħdejh u qered filmati CCTV li jinkriminawh
Il-pensjonant ta' 66 sena qed ikun akkużat li wettaq dan ir-reat lejliet l-ewwel jum tas-sena..
More in Qrati u Pulizija
Il-pensjonant ta' 66 sena qed ikun akkużat li wettaq dan ir-reat lejliet l-ewwel jum tas-sena..
Raġel ta' 66 sena inżamm taħt arrest wara li kien akkużat illi spara lejn wiċċ raġel li huwa sid ta' għalqa ħdejn tiegħu, lejliet l-ewwel tas-sena. Il-pensjonant - li għandu 66 sena u li huwa minn Raħal Ġdid - deher quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima akkużat b'attentat ta' qtil u li qered evidenza tar-reat, fost oħrajn.
Il-Pulizija qalu illi l-akkużat kien spara minn distanza ta' ħames metri mill-vittma u wara qered filmati CCTV li kienu fil-fatt jinkriminawh. Raġel ieħor ta' 30 sena, inizzjalment kien arrestat imma meħlus ftit wara.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih bl-avukati tiegħu jitolbu għall-ħelsien mill-arrest hekk kif l-akkużat għandu kondotta nadifa u saħħtu mhix fi stat tajjeb ħafna.
L-Avukat Prosekutur Kylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali argumenta kontra l-ħelsien mill-arrest fid-dawl tan-natura serja tal-akkużi u anke l-fatt li l-akkużat kien il-ġar tal-vittma.
Għalhekk il-Qorti ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest, propju minħabba n-natura tar-reat kif ukoll fid-dawl tal-fatt li għad hemm nies li jridu jixhdu.
Il-Prosekuzzjoni kienet qed titmexxa mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Antonello Magri, flimkien mal-avukati Nathaniel Falzon u Kylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Franco Debono deher parte civile, filwaqt illi Josè Herrera - flimkien ma' Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Matthew Xuereb u Daniel Attard deheru għall-akkużat.