Żewġt irġiel akkużati li serqu minn pompa tal-petrol tliet darbiet fi żmien ħamest ijiem

It-tnejn għandhom lista' ta' akkużi kontrihom inkluż ta' reċediviżmu u ta' ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest

Ritratt mill-Arkviji
Ritratt mill-Arkviji

Żewġt irġiel ta' 40 sena u 33 sena rispettivament jinżammu arrestati b'konnessjoni ma tliet serqiet f'pompa tal-petrol, fi Triq il-Kanun Santa Venera.  

Ir-raġel ta' 40 sena mill-Birgu qiegħed jiġi akkużat li seraq karozza mingħajr liċenzja u assigurazzjoni, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħataw fi Frar, li wettaq reat waqt perjodu ta' sentenza sospiża u ta' reċediviżmu. Dan filwaqt li r-raġel ta' 33 sena kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ukoll, li ngħatawlu f'Novembru tal-2021 u  akkużat ukoll b'reċediviżmu. Madankollu ż-żewġt irġiel ċaħdu l-akkużi kollha. 

L-Ispetturi spjegaqw li issa qed jiġu akkużati wkoll ikkawżaw ħsara lil xi tagħmir u li serqu flus kontanti u oġġetti oħra mill-pompa tal-petrol fis-sigħat bikrin tat-19, 21 u 23 ta' Diċembru u għaldaqstant fi żmien ħamest ijiem.

Meta kien taħt arrest, ir-raġel ta' 40 sena talab għall-trattament mediku u wara li ġie eżaminat minn tabib ġie trasferit għall-Isptar Mater Dei. Aktar tard huwa ġie iddikjarat li kien stabbli biex jiġi interrogat u għaldaqstant reġa' ġie arrestat mill-ġdid. 

Filwaqt li r-raġel ta' 33 sena ma talabx għall-ħelsien mill-arrest, l-akkużat l-ieħor xorta għamel it-talba iżda din ma ġietx milqugħa. Fil-fatt l-Ispettur qalet li dan l-akkużat għandu kondotta li tixhed li mhuwiex affidabbli kif ukoll propju għaliex huwa nstab jgħix f'residenza oħra minn dik li ġiet speċifikata fil-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest preċedenti. Għaldaqstant il-Qorti rrifjutat it-talba mill-ħelsien mill-arrest. 

More in Qrati u Pulizija