Bouncer bla liċenzja akkużat li attakka raġel li kien qed jiċċelebra r-rebħa tal-Arġentina

Il-Qorti tirrifjuta l-ħelsien mill-arrest hekk kif għad hemm persuni oħrajn li għad iridu jinqabdu mill-pulizija b'rabta ma' dan l-inċident

It-taraġ ta' Sta. Rita., Paceville - fejnj seħħ l-attakk
It-taraġ ta' Sta. Rita., Paceville - fejnj seħħ l-attakk

Bouncer li jaħdem f'diskoteka kien akkużat illi attakka persuna li kienet qed tiċċelebra ir-rebħa tal-Arġentina fit-Tazza tad-Dinja, il-ġimgħa l-oħra f'Paceville. 

L-Ispettur Keith Xerri ressaq lill-akkużat - Sebjan ta' 27 sena - quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea u akkużah illi kkawża ġrieħi gravi fuq il-vittma, fit-Taraġ ta' Santa Rita filwaqt li kien akkużat ukoll illi kiser il-paċi pubblika u li ma kellux liċenzja ta' uffiċjal tas-sigurtà.  Il-vittma huwa Kolombjan. 

L-akkużat  wieġeb mhux ħati bl-avukati tiegħu - Shazoo Ghaznavi u Charlon Gouder - jitolbu għall-ħelsien mill-arrest. 

L-Ispettur Xerri esebixxa filmat CCTV tal-inċident filwaqt li oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest hekk kif l-akkużat ilu Malta inqas minn sena u nofs u jgħix mat-tfajla u mhux fuq indirizz reġistrat fuqu. Huwa qal ukoll illi wara l-każ dan ma għandu ebda prospett li jerġa' jkun impjegat bħala bouncer. 

"L-offiża hija waħda ta' natura gravi speċjalment meta hu suppost qed jara li jkun hemm ordni pubblika," kompla jispjega l-Ispettur li qal ukoll illi l-pulizija għadha għaddejja bi tfittxija għal persuna oħra b'rabta ma' dan l-attakk.

L-avukat Gouder sostna illi l-akkużat għadu preżunt innoċenti u li kien ikkopera u wieġeb il-mistoqsijiet kollha li sarulu, filwaqt li qal illi azzjoniet persuni oħrajn li għadhom ma nqabdux ma għandhomx jimpattaw fuq id-drittijiet tal-akkużat. 

Il-Qorti iżda rrifjutat il-ħelsien mill-arrest. 

L-Avukat Julian Farrugia deher għall-vittma. 

More in Qrati u Pulizija