Uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex akkużati bi qtil involontarju ta' ħaddiem f'sit ta' kostruzzjoni

F'Marzu tal-2021, il-ħaddiema waqqgħu l-kamra ta' ħdejn il-latrina, li kien qiegħed jaħdem fuqha Carmel Attard

Tliet uffiċjali tal-Ministeru Għawdxi ġew akkużati bi qtil involontarju ta' Carmel Attard li miet f'Marzu tal-2021 meta ċeda s-saqaf ta' latrina fuqu sakemm kien qiegħed jaħdem. 

Fix-xhieda tiegħu fil-Qorti, aktar kmieni illum, huwa qal li fit-18 ta' Marzu 2021 il-Pulizija ġiet infurmata li kien seħħ inċident fid-Dwejra li fih waqa' saqaf ta' latrina u kien hemm ħaddiem maqbud fil-ġebel. Sfortuntament il-vittma, aktar tard identifikat bħala Carmel Attard, magħruf aħjar bħala Charlie, ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.  Minn investigazzjonijiet irriżulta li l-ħaddiema kienu waqqgħu l-kamra li kienet ħdejha. Jidher li Attard kien qed jaħdem fuq il-bejt tal-latrina fuq xi injam u dawn ċedew meta ċeda s-saqaf. 

Dawn it-tliet uffiċjali qed jiġu akkużati wkoll li naqsu milli jsegwu regoli adegwati ta' saħħa u sigurtà, naqsu milli jkun hemm superviżjoni u li jevalwaw is-sit li kien qiegħed jaħdem fih Attard, li impjegaw ħames persuni jew aktar mingħajr ma kien hemm evalwazzjoni ta' sigurtà fuq is-sit, li naqsu milli jiżguraw li l-impjegati kienu qed jilbsu t-tgħamir li jipproteġihom u li fallew milli jipproteġu lill-impjegati waqt twaqqih ta' bini. 

Uffiċjal tal-Pulizija tkellem ma' ħaddiema li kienu jinsabu fuq is-sit li ġie nfurmat minnhom li huma kienu qed jaħdmu taħt l-iskema tal-ħaddiem fil-kommunità, li taqa' taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex. 

Dawn it-tliet uffiċjali ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom u l-każ se jkompli f'Jannar. 

More in Qrati u Pulizija