Raġel bid-drogi fil-minibus jaħrab mill-Pulizija u meta fl-aħħar inqabad, prova jeħles minnhom

Minkejja l-oġġezzjoni, l-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest għaliex temmen li l-akkużat 'hu ta' periklu għas-soċjetà' 

Aktar kmieni illum, sewwieq ta' minibus tressaq il-Qorti fuq akkużi ta' pussess ta' kokaina, eroina u kannabis, waqt li kien fuq kundizzjonijiet ta' ħelsien mill-arrest fuq akkużi simili. Dawn id-drogi nstabu fil-vettura tal-akkużat, wara tfitxija estensiva minn uffiċjali tal-Pulizija hekk kif ingħataw informazzjoni anonima dwaru. 

Ir-raġel ta' 45 sena naqas milli jobdi l-ordnijiet ta' Pulizija u baqa' jsuq minkejja li l-Pulzija kienu ordnawlu biex jieqaf. Meta eventwalment irnexxielhom iwaqqfuh, l-uffiċjali sabu madwar 200g kokaina, li ftit qabel kien waddab barra mill-vettura. Intant instabu biss ammonti żgħar tas-sustanzi l-oħra. Minkejja dan, l-Ispettur f'dan il-każ saħaq li ma kienx jidher li dawn kienu fil-pussess tiegħu għall-użu personali. 

Peress li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, liema kundizzjonijiet ġew impost madwar ħames xhur ilu, il-Qorti ordnat li tikkonfiska d-depożitu ta' €35,000 kif ukoll friżar tal-assi. 

Ir-raġel ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih iżda hawn l-Ispettur oġġezzjona biex jerġa' jingħata l-ħelsien. Huwa saħaq li, minkejja li dan il-vann kien qiegħed jitrasporta ħaddiema ta' fabbrika, "minn hawn u ftit żmien ieħor suppost kellu jibda' jwassal lit-tfal l-iskola." Dan filwaqt li qal li l-kondotta tiegħu tagħti stampa ċara tal-karattru tiegħu, "fil-fatt meta waqaf isuq prova jeħles mid-droga." 

Intant l-avukat difensur argumenta li minkejja li kiser il-kundizzjonijiet, kien hemm każi fil-passat fejn persuna fl-istess sitwazzjoni tiegħu reġgħet ingħatat il-bail. Fl-istess waqt l-avukat appella li issa wasal iż-żmien biex pajjiżna jintroduċi l-electronic tagging. Minkejja dan, il-Qorti ċaħdet il-ħelsien fuq il-prinċipju li l-akkużat mhux ta' min jafdah u li jekk jingħata l-ħelsien jista' jkun ta' periklu għas-soċjetà. 

More in Qrati u Pulizija