Jimxi fi triq b'sikkina u ħadida kbira jkisser il-ħġieġ tal-vetturi; Iweġġa' żewġ pulizija waqt l-arrest

Iż-żagħżugħ ġie arrestat ilbieraħ filgħaxija f'San Pawl il-Baħar

Żagħżugħ ta' 25 sena ġie arrestat tard ilbieraħ filgħaxija wara li nqabad f'San Pawl il-Baħar għaddej b'sikkina u ħadida kbira jkisser ħġieġ ta' karozzi.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11:30pm, fi Triq Cassarino.

Malli waslu fuq il-post, il-Pulizija sabu liż-żagħżugħ Niġerjan b'ħadida twila f'idejh. Apparti minn hekk kellu sikkina u ħadida oħra.

Minnufih intalbet l-assistenza tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u waqt li r-raġel kien qed jiġi arrestat huwa sar agressiv bil-Pulizija kienu kostretti jużaw il-pepper spray.

Waqt l-arrest huwa għamel ħsarat fuq vettura tas-servizz u żewġ kuntistabbli tar-RIU sofrew ġrieħi li aktar tard ġew iċċertifikati bħala ħfief.

Huwa nżamm arrestat fil-lock up tal-Pulizija, il-Furjana filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet.

More in Qrati u Pulizija