'Smajt ħoss qawwi, ħorn idoqq u rajt raġel iżomm l-istonku u jgħajjat' - Ikompli l-ġuri tal-vojt

Illum waranofsinhar, il-ġurati ttieħdu fuq ix-xena tad-delitt

Il-ġurati jittieħdu fuq ix-xena tad-delitt
Il-ġurati jittieħdu fuq ix-xena tad-delitt

Dalgħodu kompla l-ġuri kontra Etienne Bartolo r-raġel akkużat li qatel lil Roderick Grech f’Birkirkara f’Marzu tal-2017 meta t-tnejn li huma, allegatament, iltaqgħu biex jitħallas dejn marbut mad-droga.

Ix-xhieda tal-lum kienu diversi uffiċjali tal-Pulizija li ddeskrivew ix-xena tad-delitt.

L-ewwel pulizija li xehed kien dak li wasal l-ewwel fuq ix-xena tad-delitt. Qal li kien tkellem ma’ pulizija oħra li kienet id-dar, għax toqgħod fil-viċin u li semgħet ħoss qawwi u ħorn ta’ karozza jdoqq.

Qalet li ħarġet fil-gallarija u rat karozza miftuħa u raġel miexi, iżomm l-istonku tiegħu u jgħajjat għall-għajnuna u għall-“Gejtu.”

Huwa qal li kien hemm xeba demm mal-art. Beda jimxi mad-demm li fi kliemu waqaf quddiem blokka ta’ appartament. Ħabbat u fetaħlu raġel li kien sorpriż meta ra lill-Pulizija

Qal li kien maħsud ħafna bid-demm. Tfittxija ma sarits, għax fi kliemu ma kienx hemm bżonn. Ammetta li kien hemm id-demm mal-bieb iżda ma daħalx ġewwa.

Kompla jgħid li dak li sabu l-ġisem semgħu lill-vittma jgħajjat “vojt”.

Xehdet ukoll Moira Cortis, l-uffiċjal tal-Pulizija (imsemmija aktar ‘il fuq) u li kienet toqgħod viċin ix-xena tad-delitt.

Qalet li semgħet ħoss qawwi u wara ħorn ta’ karozza li baqa’ jdoqq. “Kien qiesu xi ħadd waqa’ fuq horn.”

Kompliet tgħid li rat raġel miexi lejn il-Knisja ta’ Santa Elena, iżomm l-istonku tiegħu u jgħajjat “Gejtu Gejtu”

“Indunajt li kien hemm karozza ftit aktar ‘il fuq, wieqfa f’nofs it-triq. Kellha l-bieba miftuħa u ħoss stramb li wara ndunajt li kienu l-wipers jaħdmu,” kompliet tgħid.

Qalet li r-raġel kien jidher li mweġġa’. Fi kliemha, dan dar għal triq oħra u beda jgħajjat għall-għajnuna f’bieb ta’ appartament.

Kien hawn li ċemplet lill-Pulizija biex tirrapporta. Ftit wara reġgħet ratu ħiereġ. Lemħu raġel u riedu jgħinu. Hawn waqa’ mal-art. Xi ħadd beda jgħajjat “Roderick Roderick.”

Fi kliemha, dan kollu seħħ madwar is-1am.

Uffiċjali oħra taw verżjonijiet simili. Wieħed minnhom qal li jiftakaw mowbajl idoqq fil-karozza.

Intant, aktar tard waranofsinhar, il-ġurati ttieħdu fuq ix-xena tad-delitt.

More in Qrati u Pulizija