L-eks membru tas-sigurtá ta' Muscat jgħid li mar ma' Gafa' l-Libja imma ma jafx x'ġie diskuss

Tkompli l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne ... jixhed eks membru tas-sigurtá tal-eks PM Joseph Muscat

Dalgħoadu kompliet għaddejja l-inkjesta pubblika li qed titratta l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u jekk dan setax kien evitat. 

L-ewwel li xehdet kienet oħt Caruana Galizia, Corinne Vella lin qalet illi Ray Barbara, wieħed mix-xhieda ewlenin tal-lum, kien jaħdem mill-qrib ħafna tal-eks PM Joseph Muscat u anke jekk dan ma fih xejn ħażin, ifisser li l-istess Barbara jkollu għarfien dwar il-ħidma, laqgħat u impenji li kellu Muscat. 

Barabara għadu sal-lum jaħdem Kastilja, issa bħala Assistent Personali tal-PM Robert Abela.

Ray Barbara ma jaħsibx li Muscat iltaqa' ma' Apap Bologna u Gasan

Ray Barbara jitla' jixhed u jgħid illi huwa persuna ta' fiduċja u li qabel kellu impjieg mal-kumpanija GO bħala tekniku.  Jgħid li hu kien jirranġa l-laqgħat għal Muscat imma mhux jattendi għalih. 

Mistoqsi jekk Muscat qattx iltaqa' ma' nies li jistgħu jkunu kontroversjali, Barbara qal li ma jiftakarx għalkemm meta mistoqsi jekk qatt Muscat iltaqa' ma' Joe Gasan - tal-Grupp Gasan u wieħed mid-Diretturi tal-konsorzju GEM Holdings li huwa sieħeb minn tlieta li jmexxu l-Electrogas - hu wieġeb fil-pożittiv.

Huwa jgħid li żgur qatt ma bagħat għal Yorgen Fenech u li sar jaf bl-akkużat minn fuq il-gazzetti.

Huwa wieġeb fl-affermattiv meta mistoqsi jekk ikunx jaf il-passi kollha tal-PM u fin-negattiv meta mistoqsi jekk qattx kien hemm diskussjoni dwar il-blogg ta' Daphne Caruana Galizia. 

Għal mument Barbara huwa mistoqsi dwar is-sigurtá tal-PM u kif ħadmet is-sistema li kienet tipproteġi lil Muscat. 

L-inkjesta tistaqsi dwar l-użu tiegħu tal-midja soċjali, imma Barbara jgħid li hu ma tantx jużaha.  "Jista' jkun ġieli għamilt retweet b'posts ta' nies bħal Glenn Bedingfield imma qatt ma xerridt aħbarijiet li jorbtu lil Caruana Galizia mal-kuntrabandu taż-żejt," xehed Barbara.

L-avukat Jason Azzopardi staqsa jekk Muscat qattx kellu laqgħat ma' Paul Apap Bologna u Mark Gasan, imma jgħid li mhux ċert.  Jistaqsih jekk qattx iltaqa' (Muscat) ma' Turab Musayev, Direttur tal-Electrogas bħala rapreżentant tas-SOCAR, imma Barbara ma jistax jiftakar li fil-fatt Muscat ltaqa' ma' din il-persuna.

'Ma nafx'

Kenneth Camilleri, eks membru tas-sigurtá ta' Muscat - jitla' jixhed.  Wara li jgħid illi ma baqax jaħdem Transport Malta, wara stejjer li deheru dwaru hekk kif kienet għaddejja xhieda fil-qtil ta' Caruana Galiziak, hu spjega il-preżenza tiegħu ma' Neville Gafa' fil-Libja. 

Huwa qal illi kien imur il-Libja biex joffri protezzjoni lil Gafa' għalkemm jgħid illi ma kienx ikun armat. "Arthur Gerard mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kien ikuntattjani u qalli biex immur miegħu barra. Gafa' kien staqsieni biex immur miegħu l-Libja u jiena aċċettajt ..."

Mistosqi x'kien ikun diskuss waqt il-laqgħat li għalihom kien jattendi Gafa', Camilleri qal li ma jafx. 

Hawnhekk jidħol il-membru tal-Bord tal-Inkjesta l-Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino li jgħid illi hija diffiċli li temmen illi Camilleri ma kienx jaf x'qed jiġi diskuss, meta tant kien qrib Gafa'. 

Camilleri jirakkonta kif darba - meta kienu l-Libja -  kien ġie jkellmu ċerta persuna Tajouri.  Tkellmu bl-Għarbi.  "Normalment kont responsabbli għas-sigurtá, darba tħallejt nidħol f'din il-kamra l-kbira.

Mistoqsi x'kien jiddiskuti ma' Gafa', Camilleri qal li kienu jitkelmu fuq kollox minbarra xogħol l-istess Gafa'. 

Hu jiddeskrivi lil Keith Schembri bħala 'kollega' għalkemm jgħid li kien ilu ma jkellmu.

More in Qrati u Pulizija