Raġel misjub innoċenti wara sejba ta’ disa’ pilloli tal-ecstasy fil-karozza tiegħu

 Il-Pulizija kienet sabet il-pilloli ġewwa l-karozza tal-akkużat fl-inħawi ta’ Ta’ Qali

Arkivji
Arkivji

Raġel ta’ 55 sena minn Ħal Luqa, lura fl-2010 kien akkużat li kellu taħt il-pussess tiegħu disa’ pilloli tal-ecstasy, ġie meħlus minn dawn l-akkużi wara li l-Qorti ma sabitx biżżejjed provi li l-pilloli kienu tal-akkużat. 

 Il-Pulizija kienet sabet il-pilloli ġewwa l-karozza tal-akkużat fl-inħawi ta’ Ta’ Qali. Il-Pulizija waqqfet il-karozza wara li ġew infurmati li dan seta’ kien f’pussess ta’ droga. Quddiem il-Qorti hu ċaħad dan minkejja li fit-tfittxija li saret, il-Pulizija sabet l-ecstasy fil-karozza stess.

Xehed li kien wassal lit-tfajla tiegħu u żewġ irġiel oħra lejn il-party dak il-lejl stess. Wieħed mill-irġiel poġġa fuq quddiem sabiex ikun jista’ jpejjep, filwaqt li t-tfajla u r-raġel l-ieħor kienu bilqiegħda fuq wara. 

Ftit ħin wara li daħlu fl-istabbiliment ta’ fejn kien qed isir il-party, inqala’ argument bejn l-akkużat u t-tfajla tiegħu. Madwar 20 minuta wara, pulizija pajżana, għamlu tfittxija fuq l-akkużat  iżda ma sabu xejn. Il-Pulizija talbet lill-akkużat biex jiftaħ il-karozza tiegħu u kien hawnhekk ;i nstabu l-pilloli ġo borża, fl-ashtray tal-karozza.

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, semgħet lid-difiża, immexxjia mill-avukati Edward Gatt u Veronique Dalli, fejn dawn saħqu li ma kien hemm ebda provi li juru li d-drogi huma ecstasy. Quddiem il-Qorti, intqal ukoll li għalkemm l-akkużat kien ġieli jagħmel użu mid-drogi, dan ma kienx juża l-ecstasy iżda l-kokaina. 

L-akkużat, fl-ebda ħin ma nstab li kellu fuqu ammont ta’ flus kontanti suspettuż.

Fiċ-ċirkostanzi, speċjalment il-fatt li l-akkużat ma kienx waħdu fil-karozza, il-Qorti qalet li l-evidenza li kellha ma kinitx biżżejjed biex torbot il-pilloli mal-akkużat jew jekk kienx jaf bihom. Għalhekk, hu ġie ddikjarat innoċenti.

 

More in Qrati u Pulizija