Missier Chantelle Chetcuti jixhed kif l-akkużat kien 'ossessjonat' b'bintu

Il-Qorti tiddeċiedi li hemm biżżejjed evidenza biex iż-żagħżugħ jitpoġġa taħt att ta' akkuża

Il-Qorti ddeċidiet li hemm biżżejjed evidenza biex iż-żagħżugħ akkużat bl-omiċidju tal-eks sieħba tiegħu, Chantelle Chetcuti, jitpoġġa taħt att ta’ akkużi.

Chetcuti, li għandha żewġt itfal, inqatlet b’daqqiet ta’ sikkina f’rasha mill-eks sieħeb tagħha, f’Ħaż-Żabbar.

Illum xehdu diversi persuni oħra, fosthom missier il-vittma li spjega kif il-mara tiegħu ħassha ħażin malli rat lil bintha mixħuta mal-art fuq il-bankina.

Irrakkonta t-trawma li għadda minnha meta mar l-isptar ħdejn bintu. Fi kliemu, kien għad għandha s-sikkina mwaħħla f’rasha għax ħadd ma seta’ jneħħiha.

Kompla jgħid li l-akkużat kien “ossessjonat” b’bintu. Qal li tlett ijiem qabel il-każ, huwa sema’ lil Chetcuti tgħid lil ommha li kellhom inċident bil-karozza. Huwa ħadilha l-logbook biex jibqa’ “preżenti f’ħajjitha.”

Xehed ukoll Johann Azzopardi, ħabib tal-qalb tal-vittma, li fil-Qorti spjega l-abbuż li allegatament kienet tgħaddi minnu Chetcuti meta kienet għadha mal-akkużat. Qal li ġieli ra marki tal-gdim li l-akkużat għamel lill-vittma.

Qal li darba minnhom, l-akkużat taha daqqa ta’ sieq f’dahra u ħalliha lejl ma tistax tiċċaqlaq. Spjega kif kien l-għada filgħodu li ħadha l-isptar, bit-tobba jgħidulha li kienet fortunata li ma spiċċajtx f’siġġu tar-roti.

Huwa qal li jumejn biss qabel l-omiċidju, meta hu, il-vittma u xi ħbieb kienu Wied iż-Żurrieq, l-akkużat mar bil-karozza, b’Chetcuti tmur fuqu, tikkonfrontah u titolbu jitlaq ‘l hemm.

Kompla jgħid li wara marru f’bar u l-akkużat baqa’ jsegwihom. Qal li f'lejla waħda rawh xi tliet darbiet.

Mistoqsi mill-Avukat Franco Debono, li qed jidher għall-akkużat, ix-xhud qal li ma setax jiftakar x’kienet qalet il-vittma lill-akkużat dakinhar f’Wied iż-Żurrieq.

Il-Maġistrat talbitu jipprova jiftakar jekk il-vittma refgħetx idha fuq Borg, bix-xhud aktar tard iwieġeb fil-pożittiv iżda qal li ma jafx fejn u kif.

Debono staqsa lill-istess xhur jekk jafx li l-akkużat u l-vittma kienu attendew sessjonijiet tat-terapija tal-familja. Huwa wieġeb fil-pożittiv.

Fi tmiem is-seduta, il-Maġistrat Montebello saħqet li hemm biżżejjed evidenza biex l-akkużat jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.

Il-kumpilazzjoni tkompli fit-3 ta’ April.

More in Qrati u Pulizija