Alfred Degiorgio jibda strajk tal-ġuħ għax qed jinqafel fiċ-ċella għal diversi sigħat

Skont l-Avukat William Cuschieri din id-deċiżjoni ttieħdet wara li Degiorgio kellu xi jgħid ma' priġunier ieħor

Wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jinsab fuq strajk tal-ġuħ minħabba dik li l-Avukat tiegħu qed isejħilha “sitwazzjoni mhux aċċettabbli” fil-ħabs.

Alfred Degiorgio ilu jumejn ma jiekol u dan wara li d-direttur tal-ħabs ordna li hu u ħuh George jissakkru f’ċella għal 25 siegħa biex ikunu evitati kunflitti ma’ priġunier ieħor.

Jidher li Alfred Degiorgio kellu xi jgħid ma’ David Norbert Schembri, li qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Hu mifhum li din ma kinitx l-ewwel ġlieda ta’ Schembri fil-ħabs.

L-Avukat William Cuschieri qal lil MaltaToday li wara l-ġlieda bejn Schembri u Degiorgio, grupp ta’ priġunieri dahru għal Schembri.

Kien għalhekk li biex ikunu evitati aktar inċidenti, id-Direttur tal-Ħabs ordna li Schembri jinħareġ miċ-ċella tiegħu u biex Alfred u George Degiorgio jinqaflu fiċ-ċella għal diversi sigħat u viċi versa.

Propju għalhekk li Degiorgio beda strajk tal-ġuh.

More in Qrati u Pulizija