Jixhdu dwar il-mument xokkanti meta sabu lil Chantelle Chetcuti mixħuta mal-art fuq il-bankina

Kompla l-każ dwar il-qtil ta’ Chantelle Chetcuti, il-mara li mietet wara li qalgħet daqqiet ta’ sikkina f’rasha fuq bankina f’Ħaż-Żabbar fit-2 ta' Frar

Chantelle Chetcuti
Chantelle Chetcuti

Dalgħodu fil-Qorti kompla l-każ dwar il-qtil ta’ Chantelle Chetcuti, il-mara li mietet wara li qalgħet daqqiet ta’ sikkina f’rasha fuq bankina f’Ħaż-Żabbar.

L-eks sieħeb tagħha qed ikun akkużat b’omiċidju. Huwa qed iwieġeb mhux ħati anke jekk kien hu stess li mar id-Depot.

‘Kienet mixħuta mal-art b’sikkina f’rasha u titriegħed’

L-ewwel xhud kien ħabib ta’ Chetcuti li fil-ħin tal-ġlieda bejn il-vittma u l-akkużat kien fi stabbiliment f’Ħaż-Żabbar mal-istess Chetcuti.

“Kien il-Ħadd. Ħmistax ilu. Madwar il-5pm jew is-6pm jiena u Chantelle morna fis-St.Patrick’s Club ... L-akkużat wasal ftit wara u pprova jkellimha iżda hi ma riditx,” saħaq ix-xhur.

Jidher li hu ltaqa’ ma’ Chantelle xi t-3pm u reġa’ mar aktar tard. 

Xehed kif l-akkużat kien staqsih jekk jistax ikellem lil Chantelle, bix-xhud jisħaq li qallu li ma xtaqx jidħol bejniethom.

Kompla jixhed kif ftit wara Chantelle ħarġet barra u l-akkużat ħareġ warajha. Kien hawn li xi ħadd daħal u beda jgħajjat li Chantelle qalgħet daqqiet ta’ sikkina.

“Kienet barra, mal-art, b’sikkina f’rasha, titriegħed. Mort niġri l-għassa,” qal ix-xhud.

Qal li l-akkużat ma deherx u hu ġie interrogat.

L-akkużat imur għand il-Pulizija

Uffiċjal tal-Pulizija li kien xogħol qal li kien għall-ħabta tat-8:20pm tat-2 ta’ Frar meta l-akkużat mar fuqu u qallu li kien hu li ta daqqiet ta’ sikkina lis-sieħba tiegħu.

“Kellu d-demm fuq il-qmis u fuq idejh. Kien qisu se jinfaqa’ jibki,” qal il-Pulizija.

Jixhdu dawk li sabu lil Chantelle mal-art

It-tielet xhud kien persuna li nzerta għaddej mill-inħawi tal-istabbiliment. Qal li ra kollox iseħħ mill-mera tal-karozza.

“Ħarist mill-mera u rajtha taqa’ mal-art u r-raġel ixejjer idu. Ħsibt li beda jagħtiha bil-ponn u ma stajtx nibqa’ għaddej. Għidt lit-tfal biex jibqgħu fil-karozza. Ir-raġel qasam lejn il-knisja, daħal fil-karozza, u telaq,” qal ix-xhud. “Rajt lil mara b’sikkina mwaħħla f’rasha. Idejha titriegħed. Dħalt niġri fl-istabbiliment.”

Kompla jisħaq li sab il-mara mal-art. Xagħra kien qed jgħatti parti minn wiċċa. Is-sikkina kienet għadha f’rasha. Rajtha titriegħed, wiċċa mal-art fuq il-bankina. Rasha fuq waħda minn idejha.

L-akkużat kellu d-droga fuqu

L-Ispettur Joanna Piscopo minn Ħaż-Żabbar qalet lill-Maġistrat Rachel Montebello li fuq l-akkużat instabu żewġ pakketti suspettati droga.

Qalet ukoll li kien hemm ukoll diversi kameras tas-CCTV fl-inħawi.

Il-każ se jkompli fl-24 ta’ Frar.

More in Qrati u Pulizija