Multa ta' €2,250 u sentenza sospiża għal kuntrattur wara li ħaddiem weġġa fil-post tax-xogħol

Fi stqarrija l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol (OHSA) fakkret illi f’kull post tax-xogħol, min iħaddem huwa obbligat bil-liġi li jara li ssir evalwazzjoni tar-riskju b’mod regolari.

Kuntrattur ta’ 62 sena minn San Ġwann ġie mmultat €2,250 u kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati ta’ ksur tar-regolamenti għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol li wassal biex iweġġà ħaddiem. 
 
L-inċident kien seħħ f’April tal-2018 f’B’Kara meta ħaddiem ta’ nazzjonalità barranija impjegat mal-kumpanija tal-kostruzzjoni weġġà fuq il-post tax-xogħol waqt li kien qed jaħdem f’sit li kien qed jinbena. Huwa kien waqa’ minn għoli ta’ madwar sular.
 
Il-kuntrattur instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li naqas milli jħares is-saħħa u s-sigurta tal-impjegati tiegħu kif ukoll ta’ kull min seta’ jiġi affettwat bix-xogħol li kien qed isir. Instab ħati wkoll li naqas li jieħu l-miżuri ta’ prevenzjoni meħtieġa sabiex ma jsirx xi dannu fiżiku, korriment jew mewt fuq ilpost tax-xogħol.
 
Fi stqarrija l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol (OHSA) fakkret illi f’kull post tax-xogħol, min iħaddem huwa obbligat bil-liġi li jara li ssir evalwazzjoni tar-riskju b’mod regolari. Dan għandu jsir sabiex ikunu identifikati l-perikli u r-riskji kollha li jikkonċernaw l-aspetti kollha tax-xogħol u jittieħdu miżuri adegwati. Din l-evalwazzjoni għandha tikkunsidra ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà, kemm tal-ħaddiema, ta’ min jaħdem għal rasu kif ukoll dawk li jżuru l-post tax-xogħol partikolari. F’dan il-każ partikolari, din levalwazzjoni ma saritx u ta’ dan l-imputat instab ħati wkoll.
 
L-OHSA qalet ukoll illi l-kuntrattur naqas ukoll li jieħu miżuri ta’ protezzjoni sabiex jkunu evitati waqgħat mill-għoli. Fil-fatt, huwa naqas li jassigura li jkun hemm lqugħ solidu li jkun għoli  biżżejjed u li jkollu  ta’ l-anqas bord tat-tarf, poġġaman ewlieni u poġġaman intermedju. 
 
L-imputat instab ħati li naqas li jassigura li x-xogħol fil-għoli jsir biss b’apparat speċjali jew bl-użu ta’ apparat ta’ protezzjoni kollettiv bħalma huma bennieni, il-pjattaformi jew ix-xbieki tas-sigurtà. 
 
Nuqqas ieħor li nstab ħati tiegħu kien li ma assigurax li poġġamani ta’ protezzjoni jitpoġġew madwar trombi u turġien.
 
Il-Qorti kienet preseduta mill-Maġistrat Astrid May Galea filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet bl-assistenza kollha tiġi mogħtija mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA). 
 

More in Qrati u Pulizija