'Stramba kif ma sar xejn minn Kastilja biex diċeriji dwar Cardona ma jikbrux' - Saviour Balzan

Saviour Balzan jgħid li hija stramba li ma sarx leak tal-filmat minn Kastilja li kien juri illi Chris Cardona mhux vera ltaqa' ma' wieħed mill-irġiel li assassinaw lil Daphne fis-Siġġiewei ...

Saviour Balzan
Saviour Balzan

L-Editur Maniġerjali tal-MaltaToday Saviour Balzan qal li rapporti u diċeriji illi kienu jgħidu li l-Ministru Chris Cardona kien qed ikellem lil wieħed mill-akkużati bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ma kienux sfidati minn Kastilja u tħallew jikbru.

Waqt li kien qed jixhed f’każ ta’ libell miftuħ kontrih minn uffiċjal tas-sigurtà appuntat mill-Maġistat Anthony Vella fl-inkjesta fil-qtil ta’ Caruana Galizia, Balzan spjega għaliex il-pulizija kienet għaddiet informazzjoni żbaljata lil dawk illi kienu qed jgħaddu informazzjoni lill-media barranija.

Il-każ infetaħ minn John Muscat, ħu l-editur ta’ Shift News Caroline Muscat u li f’punt minnhom kien espert tal-Qorti għal Vella.

Fl-artiklu ntqal li uffiċjali għoljin tal-pulizija li kienu qed jaħdmu fl-investigazzjoni temgħu informazzjoni skoretta lill-esperti tal-Qorti f’attentat biex jinstab min kien qed jgħaddi informazzjoni lill-ġurnalisti u politiċi.

Balzan iċċara xi affarijiet u fakkar li l-artiklu li kien ippubblikat fil-gazzetta Maltatoday nhar il-21 ta’ Ottubru kien dwar allegata laqgħa bejn Cardona u wieħed mill-allegati assassini.

“Meta l-pulizija marru għas-CCTV qalulhom li l-esperti tal-Qorti kienu diġa ħadu l-filmati,” qal Balzan. Kompla jgħid li l-Pulizija kien ilmentaw illi kellhom ikunu infurmati dwar l-investigazzjoniet fuq Cardona.

“Qatt ma għidt min għadda l-informazzjoni, imma biss li l-pulizija qalu li kien hemm leaks.”

Balzan jgħid li kienet xi ħaġa stramba li ma kienx hemm leak minn Kastilja bil-filmati mill-Ferdinand Bar fis-Siġġiewi, “għaliex din kienet tnaqqas l-isħaba ta’ suspett” minħabba li kien juri illi l-allegazzjoni kontra Cardona kienet falza."

“Dak il-filmat CCTV ma kien juri xejn li wieħed jistenna illi jkun leaked. Messu kien hemm ċaħda allura,.”

“L-istorja li ktibt dwar Cardona kienet ibbażata fuq mistoqsijiet li għamilt lill-pulizija. Normalment xi ħaġa bħal din kienet tiġi minn Kastilja ... kont nistenna li f’disa’ xhur sħaħ, isir leak biex jiddefendu lil Cardona.  Illum huwa ċar għaliex,” qal Balzan mingħajr ma rrefera għall-allegat frame up li Keith Schembri pprova jwettaq kontra Cardona f’ittra li ddawret mal-kabinett.

Ittra li daret il-kabinett qalet illoi Cardona huwa l-mandant fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

Huwa qal li qatt ma kiteb li John Muscat kien ħareġ l-informazzjoni li imbagħad dehret fuq The Shift.

“Fl-artiklu tiegħi nsemmi biss fatti.  Kieku kont naf li sar espert bi żball (Muscat) kont ngħidha wkoll.”

L-avukat Veronique Dalli qed tidher għal Balzan u l-avukat Joseph Zammit Maempel għal John Muscat.

More in Qrati u Pulizija