Il-Qorti tordna lil Konrad Mizzi biex jesebixxi rapport dwar il-VGH

Dan wara li l-eks Ministru kkwota ħafna minn dan ir-rapport u l-Imħallef saħaq li jkun opportun li dan ikun ippreżentat biex dak li qal Mizzi jkun ivverifikat

Imħallef ordna lid-Deputat u eks Ministru Konrad Mizzi biex jesebixxi fil-Qorti rapport li kkwota minnu waqt il-każ li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt il-ftehim tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare.

Fl-aħħar seduta, f’Novembru, il-Ministru Mizzi qal li l-Gvern kien wieġeb għal rakkomandazzjoni ta’ bord ta’ evalwazzjoni qabel ma daħal fi ftehim mal-Vitals Global Healthcare.

Dan il-każ kien fetħu Adrian Delia kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Avukat Ġenerali, il-Malta Industrial Parks u l-VGH bil-għan li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Karin Grech u San Luqa jgħaddu lura għand il-poplu.

Sa issa, dawk li kontrihom Delia fetaħ il-każ, ma qablux li r-rapport ikun ippreżentat.

Madanakollu, l-Imħallef Francesco Depasquale qal li Mizzi kkwota ħafna minn dan ir-rapport u li joqgħod ħafna fuqu u għalhekk insista “li jkun opportun jekk dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni, flimkien ma’ rapporti oħra konnessi, jkunu ppreżentati waqt il-proċeduri” bil-għan li jkun ivverifikat dak li qal.

Il-każ ikompli għada.

More in Qrati u Pulizija