Ftehim VGH | It-tieni Imħallef b'rikuża fuq l-appell ta' tliet Ministri

L-Imħallef Aaron Bugeja jirrikuża lilu nnifsu mill-appell ta' tliet Ministri kontra deċiżjoni biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali fuq l-irwol tagħhom fil-kuntratt mal-VGH

L-Imħallef Aaron Bugeja
L-Imħallef Aaron Bugeja

Imħallef ieħor, din id-darba Aaron Bugeja, irrikuża ruħu mill-każ kontra tliet Ministri u l-ftehim ma' Vitals Global Healthcare (VGH). Issa se tkun l-Imħallef Edwina Grima li se tisma' l-appell ta' tliet Ministri kontra deċiżjoni tal-Qorti biex ikun hemm inkjesta maġisterjali fuq l-istess ftehim u l-irwol tal-Ministri Chris Cardona, Edward Scicluna u Konrad Mizzi fih. 

Oriġinarjament dan il-każ kien assenjat lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li iżda rrikużat lilha nnifisha peress li hija oħt il-Ministru Josè Herrera, kollega tat-tliet Ministri. 

Bugeja rrikuża lilu nnifsu u qal li qed jagħmel dan minħabba li bħalissa l-promozzjoni tiegħu għal Imħallef, qed tkun sfidata minn Repubblika f'każ li din l-għaqda fetħet kontra l-aħħar ħatriet ġudizzjarji mill-Gvern. Dan il-kaz ta' Repubblika issa jinsab quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Bugeja qal illi minkejja li il-każ ta' Repubblika dwaru m'għandu xejn x'jaqsam ma' dak li jirrigwarda l-ftehim mal-VGH, "il-ġustizzja trid tidher li qiegħda ssir, mingħajr ebda dellijiet ta' dubju u suspetti ta' imparzjalità, preġudizzju, favuri u inġustizzji."

More in Qrati u Pulizija