Il-Qorti tikkonferma s-sentenza ta' 10 snin ħabs għal pedoflu ta' 74 sena

Ir-raġel kien nstab ħati b’atti sesswali fuq minuri u li pproduċa l-pornografija tal-minuri.

Il-Qorti kkonfermat is-sentenza ta' 10 snin ħabs fil-konfront ta’ pedoflu ta’ 74 sena wara li l-Imħallef osserva li l-anzjan ma wera l-ebda dispjaċir għall-abbuż li kkommetta fuq it-tifel ta’ 14-il sena.

Ir-raġel kien diġà jinsab fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jiskonta sentenza għall-reat simili. Madanakollu huwa kien ippreżenta appell mis-sentenza mogħtija f’Ottubru 2018 fejn sostna li l-piena kienet iebsa wisq. Ir-raġel kien nstab ħati b’atti sesswali fuq minuri u li pproduċa l-pornografija tal-minuri.

Il-Qorti nnotat rapport li fih l-uffiċjal tal-probation qal li kien fl-aħjar interessi tas-soċjetà, li r-raġel jinżamm taħt superviżjoni psikoloġika.

 Minkejja li hu rrikonoxxa li għamel ħażin, huwa qal fil-Qorti li ma wera l-ebda dispjaċir iżda ddispjaċih biss li kien spiċċa l-ħabs. Barra minn dan, jidher li hu rrifjuta l-għajnuna għat-terapija.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li l-vittma kienet trawmatizzata għal ħajjitha, kollha u li kien hemm riskju reali li l-appellant jerġa’ jagħmel reat ieħor. Il-qorti qalet li kellha d-dmir li tikkunsidra l-interessi tal-vittma.
 
Fid-dawl ta’ dan hi kkonfermat is-sentenza ta’ 10 snin ħabs kif ukoll ordni ta’ trattament ta’ tliet snin flimkien ma’ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

More in Qrati u Pulizija