Żagħżugħ ta' 17-il sena akkużat li f'għaxart ijiem seraq erba' karozzi, ħabat bihom u telaqhom fit-triq

Iż-żagħżugħ ġie arrestat wara li ħabat, daħal f'ħajt u sewwieqa oħra spiċċaw iżommuh biex ma jaħrabx

Żagħżugħ ta’ 17-il sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat b’għadd kbir ta’ reati, fosthom li kien qiegħed isuq mingħajr liċenzja.

Iż-żagħżugħ, mill-Marsa, ġie arrestat wara li ħabat waħda u tajba bil-karozza misruqa li kien qiegħed isuq.

Pulizija kien infurmat dwar il-każ minn sewwieq ieħor li ż-żagħżugħ ħabat fih.

L-Ispettur Pierreguido Saliba spjega kif wara li baqa’ dieħel f’ħajt, iż-żagħżugħ inżamm milli joħroġ mill-vettura minn sewwieq ieħor.

Iż-żagħżugħ qed iwieġeb mhux ħati, fosthom dwar l-akkużi li seraq erba’ karozzi u li bihom ħabat u baqa’ sejjer.

L-inċidenti kollha seħħew fl-aħħar għaxart ijiem, bi tliet inċidenti jseħħu f'ġurnata waħda.

Iż-żagħżugħ kien akkużat ukoll li kiser ordni ta’ Probation u anke li kiser il-libertà kkundizzjonata mogħtija lilu fi Frar li għadda.

Ammetta biss li kien qiegħed isiru karozza misruqa.

L-Avukat tad-Difiża, Victor Bugeja, saħaq li ż-żagħżugħ għandu bżonn l-għajnuna waqt li talab li jiddiskuti fil-privat mal-Maġistrat il-problemi soċjali u mediċi tiegħu.

Il-Maġistrat ordna li jkun imħejji rapport soċjali dwar il-ħajja taż-żagħżugħ.

Iż-żagħżugħ kien ordnat jiffirma fl-għassa erba’ darbiet fil-ġimgħa, ma joħroġx bil-lejl u jħallas garanzija personali ta’ €2,000.

More in Qrati u Pulizija