Jibda jinstema' l-appell miftuħ mill-Kaptan tal-Lifeline iżda s-smigħ jeħel minnufih

L-Avukat Ġenerali qajjem diversi mistoqsijiet dwar l-istqarrija tal-avukati għax qed jisħaq li għamlu biss allegazzjonijiet u ma ppreżentawx fatti

 

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bdiet tisma’ l-appell miftuħ mill-Kaptan tal-Bastiment MV Lifeline Claus Peter Reisch li kien instab ħati b’irregolaritajiet fir-reġistrazzjoni tal-bastiment tiegħu u kien ordnat iħallas €10,000.

Il-Kaptan instab ħati f’Mejju li għadda wara li kien ġie arrestat u tressaq il-Qorti ftit jiem wara li salva 234 immigrant minn fuq il-baħar lura fl-2018.

Dan is-salvataġġ kien qajjem polemika sħiħa u battibekki bejn Malta u l-Italja sakemm Lifeline iddaħħal Malta hekk kif intlaħaq qbil biex l-immigranti jitqassmu fost pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Reisch kien akkużat li daħal fl-ibħra terittorjal Maltin mingħajr ir-reġistrazzjoni u l-liċenzji neċessarji.

L-Avukati tal-Kaptan qed jisħqu li l-bastiment kellu kollox irreġistrat skont il-liġi, taħt il-bandiera Olandiża.

Skont l-Avukati, il-Qorti tal-Maġistrati ma tatx każ ix-xhieda tar-rappreżentant tal-missjoni Lifeline Axel Steier li kien spjega fid-dettall ir-reġistrazzjoni tal-vapur u kif dan ġie akkwistat.

Intant, l-Appell kellu jibda jistema’ llum sakemm l-Avukat Ġenerali qajjem diversi oġġezzjonijiet dwar l-istqarrija tal-avukati ta’ Reisch. Fi kliemu, l-istqarrija ppreżentata fil-Qorti kienet twila wisq u minflok fatti kien fiha ħafna allegazzjonijiet.

L-Avukati wieġbu li stqarrija ta’ tliet paġni ma tistax titqies twila u saħqu li ma għamlu l-ebda allegazzjoni.

Il-każ se jkomli x-xahar li ġej.

More in Qrati u Pulizija