Ħabs għal raġel li seraq mowbajl u attakka żewġ uffiċjali tal-Pulizija f'Paceville

L-akkużat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ntbagħat sena ħabs u mmultat €800. Il-Qorti ordnat li r-raġel jintbagħat lura l-Ghana wara li jiskonta s-sentenza tiegħu u jħallas il-multa.

Raġel mill-Ghana weħel sena ħabs u multa ta’ €800 wara li wieġeb ħati li seraq mowbajl u attakka żewġ uffiċjali tal-Pulizija waqt li kien fis-sakra.

Ir-raġel ta’ 38 sena tressaq il-Qorti akkużat li seraq mowbajl u €20 fi flus kontanti minn għand mara f’Paceville. Huwa ġie akkużat li nsulta u attakka żewġ kuntistabbli tal-Pulizija fl-għassa ta’ San Ġiljan u li kkaġuna feriti ħfief fuqhom. Apparti minn dawn l-akkużi huwa ġie mixli wkoll li kien fis-sakra f’post pubbliku.

Il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq li l-uffiċjali pubbliċi għandhom ikunu mħarsa bil-liġi minħabba li dawn qiegħdin jipproteġu liċ-ċittadini.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti enfasizzat li, "l-fatt li l-akkużat kien fis-sakra mhix skuża fil-liġi u li l-persuni li jikkommettu reati taħt l-influwenza ta l-alkoħol iridu xorta jwieġbu għall-għemilhom."

L-akkużat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ntbagħat sena ħabs u mmultat €800. Il-Qorti ordnat li r-raġel jintbagħat lura l-Ghana wara li jiskonta s-sentenza tiegħu u jħallas il-multa.

L-Avukat Fransina Abela kienet avukata tal-għajnuna legali.

More in Qrati u Pulizija