Ħabs għal raġel li uża l-karta tal-kreditu ta’ ħabibtu biex ħallas ġita

L-Ispettur Ransley qal li wara eżaminazzjoni fuq il-mowbajl tal-akkużat, ġie kkonfermat li hu kien wettaq reati simili f’pajjiżi oħra

Illum fil-Qorti, raġel mill-Perù li għamel użu mill-karta tal-kreditu ta’ ħabibtu biex jħallas ġita ġie kkundanat tmien xhur ħabs.

Ir-raġel tressaq illum il-Qorti mixli li ffroda lil ħabibtu li magħha kien jgħix fl-istess appartament is-somma ta' €600.

FIl-Qorti ġie żvelat li r-raġel kien ġibed ritratt tal-karta tal-kreditu li kienet qed tiġri fl-appartament.  L-Ispettur Jonathan Ransley spjega fil-Qorti li l-vittma kienet fetħet rapport mal-Pulizija nhar is-27 ta’ Settembru. Meta imbagħad ir-raġel kien ġie interrogat huwa kien qal li l-mara kienet l-eks tfajla tiegħu li riedet tpattihielu għax qabditu jeqlibilha ma’ mara oħra.

Madanakollu, skont l-investigazzjoni tal-Pulizija din kienet biss gidba.

L-Ispettur Ransley qal li wara eżaminazzjoni fuq il-mowbajl tal-akkużat, ġie kkonfermat li hu kien wettaq reati simili f’pajjiżi oħra.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkundannat lill-akkużat s-sentenza ta’ tmien xhur ħabs filwaqt li ordnatu jrodd lura l-flus li seraq. Wara li jiskonta s-sentenza u jħallas lura l-vittma, l-akkużat se jkun qed jiġi ddeportat.

More in Qrati u Pulizija