Aġġornata| Debono interrogat mill-Pulizija u llejla stess jitneħħa minn kappillan

Ma' dan is-sit Patri Debono iżda jgħid biss illi għandu ordnijiet mill-pulizija biex ma jitkellimx għalkemm iddeskriva l-allegazzjonijiet bħala "mġebbda u mżejna b'ħafna gideb."

Dun Deo Debono
Dun Deo Debono

Patri Deo Debono għadu kif tneħħa minn kappillan tal-Parroċċa ta' Santu Wistin fil-Belt Valletta hekk kif se jkun akkużat b'serq ta' oġġetti prezzjużi mill-Kunvent tiegħu stess. L-Arċisqof Charles J. Scicluna ddeċieda li Patri Deo Debono ma jeżerċitax il-ministeru saċerdotali fil-pubbliku sakemm jibqgħu pendenti l-investigazzjonijeit tal-Pulizija u kwalunkwe proċedura quddiem il-Qrati Ċivili.

Iktar kmieni: Dan is-sit jinsab infurmat illi l-Pulizija interrogat lill-Kappillan tal-paroċċa ta' Santu Wistin tal-Belt Valletta Patri Deo Debono fuq l-akkużi ta' serq ta' pitturi mill-kunvent ta' Santu Wistin u ċensier tal-fidda mill-monasteru tas-Sorijiet Agostinjani fil-Belt ukoll.

Jidher illi l-Pulizija qed jitrattaw il-każ b'kawtela partikolari għax minkejja li jidher li Debono żgur kien involut, mhux magħruf sa fejn kien l-involviment tiegħu, sostna sors li huwa parti mill-investigazzjoni. 

"Seta' kien sempliċiment bħal aġent (middleman)," qal is-sors li rrifjuta li jwieġeb dwar jekk il-patri hux se jkun akkużat jew le u sussegwentement allura mtella' l-Qorti. L-istess sors qal illi l-investigazzjoni saret iktar kumplessa minħabba dak li spjega bħala interessi kunfliġġenti u rapporti 'mhux preċiżi' fuq sezzjoni tal-midja.

Dan is-sit jinsab infurmat li l-pulizija diġa kellmu lil sid il-ħanut li jidher illi qalilhom li kien Debono li tah iċ-ċensir li kien irrapportat misruq. Jidher li dan wassal ukoll biex ġew misjuba l-pitturi meqjusin bħala 'imprezzabbli' li għal xi żmien saħasnsitra kienu f'residenza magħrufa ma' Patri Debono.  

Dawn l-akkużi jiġu eżatt fil-ġimgħa tal-festa ta' Santu Wistin, li Patri Debono jorganizza flimkien ma' grupp ta' voluntieri.

Dan is-sit għamel kuntatt ma' Patri Debono li iżda qal biss illi għandu ordnijiet mill-pulizija biex ma jitkellimx għalkemm iddeskriva l-allegazzjonijiet bħala "mġebbda u mżejna b'ħafna gideb."

More in Qrati u Pulizija