Darren Debono, li bħalissa qed jiffaċċja akkużi mill-Qorti ta' Katanja dwar kutrabandu ta' żejt, allega illi uffiċjali tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti staqsewh għal informazzjoni dwar il-Prim Ministru u Keith Schembri biex ikunu jistgħu jneħħu s-sanzjonijiet kontrih.
L-Avukat ta' Debono, Victor Bugeja, qal illi l-uffiċjali riedu informazzjoni dwar il-vapuri Russi li kellhom bżonn refuelling iżda li ma tħallewx jidħlu Malta mill-Gvern. Huma staqsewh biex jikkonferma jekk kienx il-Gvern Malti li tahom il-fjuwil barra mill-ibħra territorjali.
Debono iżda ma weġibx u qal li mhux se jagħti informazzjoni 'għax dak huwa l-Prim Ministru tiegħi u jiena mhux spija."
Dan intqal fil-każ illi fih Debono qed jitlob biex jitwaqqfu l-attentati tal-Gvern Malti mal-Ġnus Magħuda biex dawn jibdew sanzjonijiet kontrih. Il-Qorti se tiddeċiedi dwar dan il-ġimgħa d-dieħla.
Debono kien arretat f'Settembru 2017 fuq involviment f'ċirku ta' kutrabandu taż-żejt bejn il-Libja u l-Italja. Minn dakinhar negozju illi għandu kien milqut minn sanzjonijiet, liema sanzjonijiet hu qed jitlob li jitneħħew.
L-Avukat Bugeja qal li iktar sanzjonijiet ikunu 'katasfrofiċi' għalih.