Jinħeles mill-akkużi ta' frodi u evażjoni ta' taxxa 19-il sena wara

Lura għas-sena 2000, in-negozjant kien ġie akkużat li ffalsifika 'invoices'

Illum fil-Qorti negozjant Malti nħeles mill-akużi ta' frodi u evażjoni ta' taxxa wara 19-il sena sħaħ.

Lura għas-sena 2000, in-negozjat kien kien akkużat li ffalsifika 'invoices' minn kumpanija fil-Ġermanja u oħra fl-Ingilterra sabiex jevadi t-taxxa. Fl-istess waqt l-akkużat kien ġie mixli b’ frodi kontra l-istat u l-awtoritajiet fiskali.

Il-Maġistrat Monica Vella osservat li bejn Frar u Awwissu 2008, ir-raġel kien importa tmien konsenji ta’ air conditioners. L-awtoritajiet Maltin kien bdew jissuspettaw meta dawn inutaw il-valur baxx iddikjarat fuq waħda minn dawn il-konsenji u għalhekk ikuntattjaw lill-awtoritajiet Ġermaniżi. Hu mifhum li r-raġel kien iddikjara total ta’ Lm 60,908 filwaqt li l-konsenja oriġinali mill-Ġermanja kienet tlaħħaq il-valur ta’ Lm 143,273.

Il-Pulizija għamlet tfittxija fil-ħanut u propjetajiet tal-akkużat tliet snin wara iżda ma sabet l-ebda dokumenti pertinenti. Apparti minn dan, ir-raġel kien saħaq mal-Pulizija illi huwa kien ġie frodat minn wieħed mill-impjegati tiegħu u li l-Pulizija setgħet tara li hu mexa mal-liġijiet għaliex fis-sistema kien daħħal il-figuri korretti li kien jaqbel mal-figuri tad-dwana Ġermaniża.

Fuq il-kwistjoni tal-VAT, ir-raġel kien qal li fl-applikazzjoni tiegħu kien niżel il-valur tal-prodott oriġinali u mhux ta’ dak iddikjarat mad-Dwana.

Il-Qorti nnotat li ma kienet saret l-ebda tfittxija fir-residenza tal-impjegati. Dan minkejja li wieħed minnhom aktar tard beda jaħdem ma’ kompetitur tiegħu.

F’dan il-każ xehdu wkoll uffiċjali Ġermaniżi, li fil-Qorti ppreżentaw dokumenti u spjegaw li skonthom id-dipartiment tad-Dwana Malti ġie ppreżentat b'dikjarazzjonijiet ta' valur falz. Iżda f’żvolta interessanti traduttur maħtur mill-Qorti spjega li d-dokumenti li żvelaw dawn l-uffiċjali ma kienux ġew preżentati taħt ġurament.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat  Vella qalet li wara li għaddew id-dokumenti kollha, l-Qorti kienet tal-fehma illi fil-fatt kien hemm tbagħbis fl-invoicies tad-dwana iżda dan ma kienx biżżejjed biex issib lill-akkużat ħati.

Apparti minn dan, Vella rrimarkat li l-akkużi kontra r-raġel ma baqgħux reati għaliex Malta illum il-ġurnata hi stat membru tal-UE u parti mis-suq ħieles. “Mingħajr reat ma jista’ jkun hemm l-ebda piena,” saħqet il-Qorti.

Fid-dawl ta' dawn ir-raġunijiet il-Qorti qalet li ma setgħetx issib lill-akkużat ħati u lliberatu minn kull akkuża.

L-Avukat Kathleen Grima kienet avukata tad-difiża.

More in Qrati u Pulizija