Sentenza sospiża għal missier li baqa' jsus il-passi ta' bintu u jhedded ħaddiema tal-Appoġġ

It-tifla xehdet u qalet kif għandha telefonata rrekordjata ta' missierha jheddidha li se jgħaddi minn fuqha bil-karozza

Missier ingħata sentenza sospiża wara li baqa’ jsegwi lil bintu li ma riditx taf bih u jibgħat messaġġi ta’ theddid anke lill-ħaddiema soċjali tal-Aġenzija Appoġġ.

Ir-raġel, li għandu 58 sena u huwa mis-Sirja, baqa’ jippersisti bit-theddid tiegħu u għalhekk kienet l-Aġenzija stess li għamlet ir-rapport.

Diversi xhieda tal-Appoġġ spjegaw kif ir-raġel kien iċempel repetutament lill-ħaddiema soċjali, b’persuna minnhom tispjega kif ġieli ċemplilha erba’ darbiet f’ġurnata.

Xehdu wkoll kif ir-raġel baqa’ jsus wara t-tifla tiegħu, imur quddiem id-dar fejn toqgħod u anke quddiem l-iskola.

Xehdet ukoll it-tifla li spjegat kif missierha kien jimliha messaġġi u imejls mimlija theddid.

Darba minnhom hija rrekordjat telefonata ma’ missierha li fiha jinstema’ jinsulenta lill-uffiċjali tal-Appoġġ u jheddidha li se jgħaddi minn fuqha bil-karozza.

It-tifla qalet kif kienet imdejqa fid-dar residenzjali fejn qed tgħix tant li ġieli ħarrbet u marret għand missierha u ġieli saħansitra marret għand il-ħbieb tagħha.

Il-Maġistrat, fid-deċiżjoni tagħha, qalet li n-natura tal-messaġġi u anke l-aġir persistenti tar-raġel jindika li kien qed jagħti fastidju mhux biss lil bintu iżda anke lill-ħaddiema tal-Appoġġ.

Madanakollu, insistiet li ma ġietx ippreżentata biżżejjed evidenza biex issibu ħati fuq l-użu ħażin ta’ mezzi ta’ kommunikazzjoni, fost oħrajn. Dan għax ma ngħatawx biżżejjed dettalji dwar meta ntbagħtu l-messaġġi u b’liema mezz.

Għalhekk, ir-raġel instab biss ħati ta’ fastidju u ngħata sentenza ta’ disa’ xhur ħabs sospiżi għal tliet snin.

More in Qrati u Pulizija