Serqa minn tliet persuni f'residenza f'San Pawl il-Baħar

Raġel ġie arrestat u tressaq il-Qorti iżda ż-żewġ persuni l-oħra għadhom ma nstabux

Wieħed minn grupp ta’ tliet ħallelin li daħlu f’dar f’San Pawl il-Baħar u talbu l-flus lil sidha, inżamm arrestat hekk kif tressaq il-Qorti llum.

L-akkużat tressaq quddiem il-Maġistrat Monica Vella.

L-Ispettur Godwin Scerri, akkuża lil-Libjan b’attentat ta’ serqa, li weġġa’ persuna, b’serq aggravat ta’ mowbajl, li kien qed iġorr sikkina fil-pubbliku, li żamm żewġ persuni kontra r-rieda tagħhom u li kiser il-paċi pubblika fost oħrajn.

Scerri spjega kif ir-raġel, flimkien ma’ żewġ ħallelin oħra li għadhom ma nstabux, daħlu f’residenza f’San Pawl il-Baħar nhar it-22 ta’ Lulju, armati b’sikkina u serrieq.

Allegatament, huwa żamm liż-żewġ persuni li kienu fir-residenza u talabhom il-flus, iżda spiċċa biex seraq biss mowbajl.

Ir-raġel ġie arrestat fuq il-post, iżda ż-żewġ kompliċi laħqu ħarbu.

L-akkużat wieġeb mhux ħati. L-Avukat tad-Difiża saħaq li r-raġel, li għandu 40 sena, ilu 20 sena jgħix Malta, jieħu ħsieb lill-ġenituri tiegħu, miżżewweġ u għandu t-tfal.

Insista li kieku r-raġel kien vjolenti u perikoluż, kellu 20 sena ċans biex iwettaq xi ħaġa waqt li insista li qatt ma xellef difrejh mal-ġustizzja.

“Kien qiegħed hemm biex jixtri xi ħaġa. L-oħrajn attakkaw u hu nzerta kien fil-post fil-mument ħażin,” insista l-Avukat.

Iżda l-Ispettur insista li l-Pulizija għandha biżżejjed evidenza li turi kif hu kien il-perċimes u li hemm diversi xhieda lesti biex jixhdu.

Minħabba l-fatt li fadal min jixhed u anke għax iż-żewġ persuni l-oħra għadhom ma nstabux, il-Maġistrat ordnat li r-raġel jinżamm arrestat.

More in Qrati u Pulizija