Maximilian Ciantar ingħata sentenza ta' 30 ġurnata ħabs u mmultat €1,500 wara li nsulta uffiċjal tal-Probation fuq Facebook.
Huwa kien akkużat illi insulta u hedded lil din l-uffiċjal, li ta' fastidju lill-istess mara, li uża ħażin tagħmir elettroniku u li kiser it-termini tas-sentenza sospiża li kien ngħata.
Ciantar spiċċa fuq l-aħbarijiet wara li kien għadda bil-karozza minn fuq żewġt ibniet ta' 11-il sena f'Ħ'Attard u minn dakinhar kien arrestat diversi drabi.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo semgħet kif fl-2016 l-uffiċjal tal-probation kienet marret għand il-pulizija fl-għassa tal-Ħamrun wara li kienet sabet diversi kitbiet mimlijin theddid fuq il-facebook tagħha. Il-Qorti semgħet kif il-mara, li ma kinitx ħbieb ma' Ciantar fuq Facebook, kienet mgħarrfa dwar il-kitbiet mill-ħbieb tagħha li bagħtulha ritratti ta' dak li ħalla Ciantar.
Hu ma nstabx ħati ta' fastidju jew li kien qed juża tagħmir elettroniku ħażin, imma nstab ħati li insulta lill-mara. Il-Qorti ddeċidiet ukoll li dak li għamel ma jiksirx it-termini tas-sentenza sospiża.