Il-Qorti tikkonferma l-mandat ta' inibizzjoni li waqqaf lill-bdoti milli jistrajkjaw

L-ALPA kienet ordnat azzjoni industrijali li permezz tagħha t-titjiriet kollha tal-Air Malta kienu qed jitilqu 30 minuta tard

Il-Qorti kkonfermat il-mandat ta’ inibizzjoni li l-Linja Nazzjonali tal-Ajru kienet għamlet biex iżżomm lill-bdoti tagħha milli jieħdu azzjoni industrijali.

L-ALPA, l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-bdoti, kienet ordnat azzjoni industrijali li permezz tagħha t-titjiriet kollha tal-Air Malta kienu qed jitilqu 30 minuta tard.

L-azzjoni industrijali ssejħet għax l-ALPA trid garanzija mill-Gvern li l-iskema ta' irtirar kmieni, li permezz tagħha l-bdoti jieħdu €700,000 meta jagħlqu 55 sena, tkompli anke f'każ li l-Linja tal-Ajru tfalli.

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Toni Abela saħaq li l-Qorti riedet tistabbilixxi jekk il-Kumpanija kellhiex drittijiet li kellhom jiġu pprotetti u fi kliemu, l-Air Malta rnexxielha tagħti biżżejjed raġunijiet għalfejn il-mandat ta’ inibizzjoni kellu jkun ikkonfermat.

Kien għalhekk li l-Qorti ordnat li l-mandat ta’ inibizzjoni, li kien aċċettat b’mod proviżorju, jibqa’ fis-seħħ.

'Jekk jintlaħaq ftehim, il-Gvern se jħabbar programm ta' tkabbir u investiment ghall-Air Malta'

Intant fi stqarrija, il-Ministeru għat-Turiżmu saħaq li issa li ġie milqugħ definittivament il-mandat ta’ inibizzjoni, il-Gvern jixtieq li l-interess nazzjonali jigi mħares.

"Il-Gvern għamila ċara li mhux ser jagħti garanziji fuq ħlas ta skemi ta’ irtirar kmieni ta' €700,000 għal kull pilota jew garanziji oħra," tisħaq l-istqarrija.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi saħaq li dwar il-kwistjonijiet pendenti li kien hemm mal-kumpanija, jinsab infurmat li hemm qbil fuq it-temi prinċipali.

"Inħeġġeġ lill-ALPA u lill-Air Malta sabiex ipoġġu bilqiegħda u jilħqu ftehim," insista l-Ministru Mizzi.

Il-Ministru temm jisħaq li l-Gvern, ladarba jkun hemm qbil, mistenni jħabbar program ta' tkabbir u investiment ghall-Air Malta.

"Madanakollu, jekk dan il-ftehim ma jseħħx, ninsabu ottimisti li nsibu modi oħrajn sabiex it-tkabbir u l-benefiċċji jgawdu minnhom il-poplu Malti u Ghawdxi," temm jinsisti l-Ministru.

More in Qrati u Pulizija