Qabad il-kelb minn siequ, sabbtu mal-mejda u qatlu quddiem il-Pulizija

Żagħżugħ tressaq il-Qorti akkużat b'moħqrija tal-annimali fost diversi akkużi oħra

Żagħżugħ li allegatament qatel lill-kelb tiegħu quddiem il-Pulizija wara li bandlu minn saqajh u sabbtu ma’ mejda, tressaq il-Qorti u nżamm arrestat.

L-akkużat li għandu 22 sena, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli wara li ġie arrestat il-Ħadd li għadda.

Huwa qed ikun akkużat b’moħqrija tal-annimali, li rreżista l-arrest, li kisser il-mowbajl ta’ ommu, li kiser żewġ sentenzi sospiżi u li kiser il-kundizzjonjiet tal-ħelsien mill-arrest.

Fost oħrajn, l-akkużat kien tressaq il-Qorti wara li kien ta daqqa ta’ ħadida lil waħda mara.

Fil-Qorti nstema’ kif kienet omm l-akkużat li għamlet ir-rapport wara li binha deher aggressiv.

Meta l-Pulizija bdew ikellmu lill-akkużat, huwa qabad il-mowbajl ta’ ommu u kissru u mbagħad qabad il-kelb minn siequ u sabtu ma’ mejda. Il-kelb miet ftit wara.

Huwa qed iwieġeb mhux ħati. L-Avukat tad-Difiża insista li l-akkużat kien taħt l-influwenza ta’ mediċina u għalhekk ma kellux kontroll tal-azzjonijiet tiegħu.

Minkejja dan, id-Difiża ma għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija