'Ara x'għamiltli! Kissirtni!'; Akkużat jattakka lill-pulizija li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni kontrih

Raġel akkużat bi vjolenza domestika fuq il-ġenituri tiegħu jinfexx jgħajjat mal-pulizija li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni

 

Raġel li tressaq il-Qorti akkużat bi vjolenza domestika fuq il-ġenituri tiegħu spiċċa jattakka lill-uffiċjal tal-Pulizija li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni.

“Ara x’għamiltli! Kissirtli kull ma kelli – iż-żwieġ, il-flus, ħajti. Se terġa’ tibgħatni l-ħabs,” beda jgħajjat fil-Qorti waqt li żewġ uffiċjali tal-Pulizija bdew jippruvaw jikkalmawh.

Ir-raġel kellu jinħareġ mill-awla u jittieħed lura l-ħabs fejn qed jinżamm taħt arrest, bis-smigħ ikompli mingħajru.

Huwa qed ikun akkużat bi vjolenza domestika fuq ommu u missieru. Nhar il-21 ta’ Lulju, ir-raġel mar id-dar tal-ġenituri tiegħu taħt l-effett ta' xi sustanza u wettaq ħsara ta’ €2,500 fuq il-karozza ta’ ommu filwaqt li għamel ukoll ħsara lill-bieb tad-dar.

Id-Difiża talbet lill-Maġistrat biex tordna lill-midja biex toħroġ mill-awla, minħabba n-natura sensittiva tal-każ, bil-midja terġa’ titħalla tidħol ftit wara.

Meta l-midja reġgħet irritornat, ir-raġel kien għadu jgħajjat fil-Qorti, jinsulenta lill-Pulizija, jgħafsilha jdejha u jisħaq li kisritlu ħajtu u r-relazzjoni.

“Għalfejn ma tibgħatx lil Franco Debono l-ħabs? Għalfejn taqbad maż-żgħir?”, saħaq ir-raġel.

L-uffiċjal tal-Pulizija dehret xi ftit emozzjonata iżda reġgħet irritornat fl-awla wara ftit ħin li qattgħet barra biex is-smigħ seta’ jkomplu.

Waqt li beda jixhed il-missier, il-midja ntalbet tibqa’ barra.

More in Qrati u Pulizija