Shannon Mak qalgħet xebgħa kbira qabel ħanxrulha għonqha

Mak kienet instabet mejta f’Awwissu tal-2018 f'għadira demm wara daqqiet ta’ sikkina f’għonqha

Skont l-esperti tal-Qorti Shannon Mak qalgħet xebgħa qabel mietet b’daqqiet ta’ sikkina f’għonqha.

Mak kienet instabet mejta f’Awwissu tal-2018, b'għonqha mħanxar wara allegatament daqqiet ta’ sikkina f’għonqha. Żagħżugħ ta’ 23 sena li għal xi żmien kien is-sieħeb tagħha, jinsab akkużat bid-delitt.

Fis-seduta tal-lum, il-Qorti semgħet ix-xhieda ta' wieħed mill-esperti tal-forensika. Jirriżulta li wara eżaminazzjonijiet xjentifiċi Mak kellha tbenġil fuq wiċċha u partijiet oħra tal-ġisem.

L-avukat Stefano Filletti li qed jidher parte civile għall-familja Mak staqsa lil espert jekk dawn il-feriti setgħux kienu kaġun ta’ ‘self-harm’.

L-espert tal-Qorti kien pront biex jiċħad din il-possibbiltà. “Il-ġrieħi ġew ikkawżati minn strument ċatt iżda d-daqqa’ fatali kienet ikkaġunata minn strument li jaqta’. Qal ukoll li skont kampjun tad-demm meħud dak iż-żmien, l-akkużat ma jidhirx li kien taħt l-effett ta’ droga jew alkoħol. 

Il-każ se jkompli fil-ġimgħat li ġejjin. 

Il-Qorti hi ppreseduta mill-Maġistrat Simone Grech filwaqt li l-Ispetturi Robert Vella u Kurt Zahra qed imexxu l-prosekuzzjoni u l-Avukat Leontine Calleja qed tidher għall-akkużat.

More in Qrati u Pulizija