Protest minn sid ta' dar biex żviluppatur ta' lukanda ma jiskavax

Is-sid qed jisħaq li qabel jibda jiskava, l-iżviluppatur għandu jagħmel l-istudji ġeoloġiċi kollha neċessarji

Is-sit bħalissa fejn minflok qed ikun propost li tinbena lukanda
Is-sit bħalissa fejn minflok qed ikun propost li tinbena lukanda

Sid ta’ dar fl-Imsida fetaħ protest ġudizzjarju kontra żviluppatur ta’ lukanda biex ma jagħmel l-ebda xogħlijiet ta’ skavar biswit id-dar tiegħu jew inkella jtellgħu l-Qorti.

Jeffrey Azzopardi mill-Imsida fetaħ il-protest kontra Mark Agius li kien applika u nħariġlu l-permess biex jibni lukanda ta’ disa’ sulari biswit l-Università ta’ Malta.

Azzopardi kien oġġezzjona għal dan il-permess anke għax fi kliemu, partijiet mill-iżvilupp jirrikjedu skavar li ma josservax id-distanza minima ta’ 76 ċentimetru ‘l bogħod mill-appoġġi tiegħu u dan kif stabbilit fil-Kodiċi Ċivili.

Il-protest ġudizzjarju qed jisħaq li bil-liġi, Agius għandu jagħmel l-istudji ġeoloġiċi qabel jibda l-iskavar biex jassigura li dan ix-xogħol ma jpoġġix id-dar ta’ Azzopardi f’periklu.

Azzopardi qed jisħaq li taħt l-art hemm numru ta’ bjar kbar li jiġu direttament taħt id-dar tiegħu u li jistgħu jirriżultaw fi ħsara strutturali għal diversi djar, inkluż tiegħu, jekk dawn jintlaqtu mill-iskavar.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat ordna li jieqaf ix-xogħol ta’ skavar u twaqqigħ sakemm tingħata ordni oħra u jkun hemm regolamentazzjoni b’saħħitha.

Il-protest iwissi lil Agius biex ma jagħmel l-ebda xogħlijiet, anke jekk ikollu l-permessi qabel ma jittieħdu l-miżuri kollha biex id-djar li jinsabu fil-viċin ikunu protetti.

More in Qrati u Pulizija