Accountant u avukat jiftħu tliet libelli kontra Matthew Caruana Galizia

...dan wara li f'sensiela ta' tweets allega rabta bejn il-kumpanija tagħhom, il-frodi u l-qtil tal-ġurnalist Ján Kuciak

Accountant u avukat fetħu serje ta’ libelli kontra l-ġurnalist Matthew Caruana Galizia u dan wara li f’sensiela ta’ tweets akkuża lilu u lill-kumpanija tiegħu bi frodi u saħansitra rabathom mal-qtil tal-ġurnalist Ján Kuciak u t-tfajla tiegħu.

Matthew Caruana Galizia kien kiteb biex jgħid li s-suspettat ewlieni fil-qtil ta’ Kuciak u t-tfajla tiegħu uża Malta għall-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa u għamel dan bl-għajnuna tal-kumpanija li l-accountant u l-avukat huma s-sidien tagħha.

Huwa ddeskriva din il-kumpanija bħala Mossack Fonseca żgħira, il-kumpanija li kienet fiċ-ċentru tal-Panama Paper.

Irrefera wkoll għall-fatt li t-tifla tas-suspettat kienet miżżewġa lill-avukat Malti.

Kien dan li wassal lill-accountant u lill-avukat, sidien tal-kumpanija, biex fetħu tliet libelli kontra Caruana Galizia, wara dawn it-tweets li hu ppubblika fi Frar u Marzu 2018.

Is-sena li għaddiet, il-kumpanija tal-accountant u tal-avukat kienu ppubblikaw stqarrija biex jiċħdu l-allegazzjonijiet.

Dalgħodu kellha ssir l-ewwel seduta, iżda l-Avukat Joe Giglio informa lill-Qorti li l-Avukat tad-Difiża, Andrew Borg Cardona, ma setax jattendu għas-smigħ iżda wera l-intenzjoni tiegħu li jikkontesta l-każ.

Il-każ ikompli aktar tard dan ix-xahar.

More in Qrati u Pulizija