Arrestat mill-ġdid f'Malta wara t-tieni Mandat ta' Arrest Ewropew kontrih

Ir-raġel kien diġà ġie estradit minn Malta lejn pajjiżu biex jiffaċċja akkużi ta' frodi, iżda sakemm qed jappella mis-sentenza reġa' ġie Malta

Raġel Ċek li f’Jannar tas-sena li għaddiet kien saħaq li “ġie maħtuf” f’Għawdex u sfurzat jiffirma dokumenti li jinkriminawh, wara li kien arrestat fuq Mandat ta’ Arrest Ewroprew, reġa’ spiċċa fl-iżbarra wara li l-Awtoritajiet Ċeki ħarġu mandat ta’ arrest ieħor fil-konfront tiegħu.

Ir-raġel, li għandu 40 sena, kien ġie estradit lejn pajjiżu, u nstab ħati ta’ evażjoni tat-taxxa u reati oħra ta’ frodi.

Ir-raġel qed jappella mis-sentenza iżda sakemm għadu għaddej il-każ, ir-raġel irritorna Malta u kien għalhekk li reġa’ ħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew ieħor kontrih.

L-Avukat tad-Difiża, Roberto Montalto, talab il-ħelsien mill-arrest, iżda l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjona minħabba l-fatt li dan huwa t-tieni Mandat ta’ Arrest Ewropew kontra r-raġel.

Montalto saħaq li l-awtoritajiet Ċeki taw il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat u anke ngħata l-permess biex sakemm għadhom għaddejin il-proċeduri jkun jista’ jsiefer. “Ilu Malta minn Ottubru u ġie lura biex ikompli fix-xogħol li kellu qabel ġie estradit. Mar fl-Għassa tal-Pulizija biex iġib il-karta tal-identità tiegħu biex jirregola l-pożizzjoni tiegħu,” kompla l-Avukat waqt li insista li ma kellu xejn x’jaħbi.

Min-naħa tiegħu, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali saħaq li ma kienx hemm għalfejn jerġa’ jinħareġ Mandat ta’ Arrest ieħor biex ir-raġel jerġa’ jkun estradit, iżda ġaladarba hemm Mandat ta’ Arrest Ewropew, l-awtoritajiet ma jistgħux jagħmlu mod ieħor.

Min-naħa tagħha, il-Maġistrat Rachel Montebello ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li fi kliemha, ir-raġel ma joffrix biżżejjed garanziji li se jżomm mal-kundizzjonijiet imposti fuqu jew inkella li mhux se jaħrab mill-pajjiż.

Il-każ ikompli fit-13 ta’ Frar.

More in Qrati u Pulizija