Tliet snin ħabs għar-raġel li wettaq sensiela ta' hold-ups

Ir-raġel kien ordnat ukoll isegwi programm biex jegħleb il-vizzju tad-droga

Il-moħħ wara sensiela ta’ serqiet minn għadd ta' ħwienet ingħata sentenza ta’ tliet snin ħabs u li matulhom irid isegwi programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.

L-akkużat li għandu 34 sena minn Wied il-Għajn, kien arrestat f’Lulju li għadda wara sensiela ta’ hold-ups li wettaq, armat b’sikkina u li kienu ilhom għaddejin sitt ġimgħat.

Huwa kien akkużat b’serq, li kien iżomm lill-vittmi kontra r-rieda tagħhom, li kien iġorr sikkina mingħajr il-permess tal-Pulizija u li sar reċidiv.

L-ewwel serqa seħħet fis-16 ta’ Ġunju f’ħanut f’Santa Luċija u t-tieni serqa seħħet jumejn wara f’Ħal Tarxien.

L-aħħar, minn sensiela ta’ serqiet, wettaqha f’ħanut ieħor f’Ħal Tarxien fis-27 ta’ Lulju.

Ir-raġel kien wieġeb ħati, iżda l-Maġistrat Gabriella Vella kienet ordnat rapport ta’ qabel is-sentenza bil-għan li fuqu tkun tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha għall-ġid tar-raġel.

Psikjatra u anke l-uffiċjal tal-probabtion irrappurtaw kif ir-raġel kellu problema serja ta’ droga u anke problemi oħra li jeħtieġ il-kura għalihom.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat innutat li r-raġel wettaq dawn ir-reati wara li kien għadu kemm ħareġ mill-ħabs fuq akkużi simili.

Innutat ukoll li apparti cards tal-mowbajls, ir-raġel irritorna t-€350 li seraq.

Kien għalhekk li tatu sentenza ta’ tliet snin ħabs biex matulhom ifittex l-għajnuna u joħroġ raġel mibdul.

More in Qrati u Pulizija