Konrad Mizzi jisħaq li nkisrulu d-drittijiet tiegħu fil-każ tal-appelli Panama

Il-Ministru Mizzi jiftaħ Każ Kostituzzjonali biex il-Qorti tiddikjara l-proċeduri bħala "nulli"

Il-Ministru Konrad Mizzi fetaħ Każ Kostituzzjonali jisħaq li nkisirlu d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq fil-każ tal-appelli dwar il-kumpaniji fil-Panama.

Mizzi qed jisħaq li l-għan tal-proċess ġudizzjarju miftuħ mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil huwa sempliċiment li jitfa’ dell fuq l-integrità tiegħu.

Wara applikazzjoni ta' Simon Busuttil, il-Maġistrat Ian Farrugia kien ordna li tibda investigazzjoni dwar il-kumpaniji fil-Panama kontra seba’ individwi, jiġifieri l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff Keith Schembri, il-Ministru Konrad Mizzi, Brian Tonna, Karl Cini, Malcolm Scerri u Adrian Hillman. Kollha kemm huma kienu appellaw din id-deċiżjoni.

Dawn l-appelli kellhom jinstemgħu quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, issa irtirat, iżda Simon Busuttil kien talab li dan jirrikuża ruħu u għal dan il-għan kien infetaħ Każ Kostituzzjonali, kollox minħabba l-fatt li huwa r-raġel tal-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi.

Il-Qorti kienet tat raġun lil Simon Busuttil, iżda l-Avukat Ġenerali kien appella minn din id-deċiżjoni, bil-Qorti tal-Appell tiddeċiedi li l-Imħallef Antonio Mizzi jista’ jkompli jisma’ l-appell.

Madanakollu, Antonio Mizzi baqa’ ma semax il-każ tal-Panama Papers hekk kif mexxa s-smigħ tal-każ għal dan ix-xahar, jiġifieri għal wara li rtira, biex hekk, l-appelli jinstemgħu minn Imħallef ieħor.

Fl-applikazzjoni tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi qed jisħaq li hu, flimkien mas-sitt persuni l-oħra, ma kellhomx “id-dritt li jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċeduri,” meta Busuttil ippreżenta d-dokumenti u s-sottomissjonijiet tiegħu permezz tal-avukat.

Kompla jisħaq li t-talba ta’ Busuttil biex l-Imħallef Mizzi jirrikuża ruħu ma kien xejn għajr attentat biex il-proċedura titwal.        

Waqt li għamel referenza għall-kummenti ta' Busuttil, jiġifieri li se jieħu l-każ quddiem il-qrati Ewropew, il-fatt li sal-lum ma nfetħu l-ebda proċeduri f’dawn il-qrati, jippruvaw, skont l-applikazzjoni ta’ Mizzi, “l-intenzjoni qarrieqa” ta’ Simon Busuttil.

Mizzi jakkuża wkoll lil Simon Busuttil li qed jipprova jimmanipula l-proċeduri billi wara kull smigħ jagħti kummenti lill-midja.

Għalhekk, Konrad Miziz qed jitlob lill-Qorti biex tiddikjara l-proċeduri bħala “nulli u ineffettivi.”

More in Qrati u Pulizija