L-involviment ta' Valletta kiser id-drittijiet tal-familja Caruana Galizia

Silvio Valletta huwa r-raġel tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana 

Il-Qorti Kostituzzjoni ddikjarat li l-involviment tal-Assistant Kummissarju Silvio Valletta fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien qed jikser id-drittijiet fundamentali tal-familja tal-ġurnalista.

Silvio Valletta huwa r-raġel tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u mhux l-ewwel darba li t-tnejn li huma kienu fil-mira ta’ kritika minn Daphne Caruana Galizia.

Peter, Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia fetħu każ Kostituzzjonali kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u Silvio Valletta. Huma saħqu li l-involviment ta’ Valletta kien qed jikser id-dritt tagħhom li jkollhom smigħ xieraq skont il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet Umani, fost oħrajn.

Il-Qorti Kostituzzjonali, immexxija mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri, saħqet li l-familja ma fetħitx il-każ minħabba l-investigazzjoni fiha nnifisa, u għalhekk ma kienx hemm għalfejn ikunu riveduti deċiżjonijiet li ttieħdu, kif talbet il-familja.

'Dubji serji dwar l-imparzjalità ta' Valletta'

Madanakollu, il-Qorti qalet li kien hemm ‘dubji serji' dwar l-imparzjalità tad-Deputat Kummissarju minħabba kunflitt ta’ interess li jista’ jkollu, ġaladarba kien hu li qed imexxi l-investigazzjoni.

“Il-preżenza tal-Assistent Kummissarju Valletta fl-investigazzjoni tista’ tqajjem dubji serji fil-moħħ taċ-ċittadin dwar jekk l-investigazzjoni kinitx imparzjali," qalet il-Qorti.

'Id-dubji jikbru jekk ma jinstabx il-moħħ wara l-qtil'

Il-Qorti Kostituzzjonali saħqet li dawn id-dubji jiżdiedu jekk l-investigazzjoni tfalli milli ssib minn kien il-moħħ wara dan il-qtil u dan, fi kliemha, jista’ jwassal għal ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ Malta u anke żżid is-sofferenza għall-familja.

“Riżultat negattiv jista’ jiġġenera element ta’ rabja u anke nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet kif ukoll fl-Assistent Kummissarju u martu,” komplew jgħidu l-Imħallfin.

Se jiġu eżaminati xi deċiżjonjiet li ħa Valletta

Il-Qorti parzjalment laqgħet it-talba u ordnat li jiġu eżaminati wħud mil-fatti u d-deċiżjonijiet li ħa d-Deputat Kummissarju iżda mhux il-każ kollu.

Ikkonfermat ukoll l-ordni biex Valletta ma jibqax involut fl-investigazzjoni.

More in Qrati u Pulizija