Il-Qorti tbiddel is-sentenza ta' Fr Charles; Xorta ħati ta' attività sesswali f'postijiet pubbliċi

Patri Charles Fenech jinħeles mill-akkuża ta' abbuż sesswali

Patri Charles Fenech, l-eks Direttur tal-Moviment Kerygma, kellu s-sentenza tiegħu mibdula mill-Qorti tal-Appell wara li kien instab ħati li abbuża sesswalment mara vulnerabbli.

Il-Qorti tal-Appell, fid-deċiżjoni tagħha, saħqet li r-relazzjoni sesswali bejn it-tnejn kienet konsenswali u li l-mara kienet taf x’inhi tagħmel.

Madanakollu, sabitu ħati xorta waħda li kellu x’jaqsam mal-istess mara f’postijiet pubbliċi.

Għalhekk, is-sentenza tiegħu nbiddlet minn waħda ta’ tliet xhur ħabs sospiżi, għal ġimgħa ħabs sospiżi għal sitt xhur u multa ta’ €500.

Dwar dan il-każ kienu nfetħu żewġ appelli, wieħed minn Patri Charles Fenech li talab lill-Qorti tiddikjarah mhux ħati u oħra mill-Avukat Ġenerali li talab sentenza aktar ħarxa.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera saħqet li l-Prosekuzzjoni ma ressqitx biżżejjed evidenza biex tipprova li l-Patri kien attakka sesswalment lill-mara jew inkella abbuża mill-problemi ta’ saħħa mentali tagħha.

Hija qalet li minkejja li t-tnejn iltaqgħu kemm-il darba biex ikollhom x’jaqsmu flimkien, il-mara setgħet twaqqaf meta riedet ir-relazzjoni tagħha mal-Patri u li kienet hi stess li kienet iċċempillu.

Patri Charles Fenech twaqqaf mill-irwoli pastorali kollha tiegħu.

More in Qrati u Pulizija