Il-kaptan tal-Lifeline ma kellux liċenzja biex ibaħħar ħafna 'l barra mill-kosta

...huwa jingħata l-ħelsien mill-arrest u ma jistax jorqod jekk mhux abbord il-bastiment

Il-kaptan wara s-smigħ. Ritratt | James Bianchi
Il-kaptan wara s-smigħ. Ritratt | James Bianchi

Il-kaptan tal-bastiment Lifeline, li ddaħħal Malta nhar il-Erbgħa wara ħamest ijiem bejn sema u ilma, tressaq il-Qorti akkużat, fost oħrajn, b'irregolaritajiet fir-reġistrazzjoni tal-bastiment.

Apparti minn hekk, l-Ispettur Mario Haber wera fil-Qorti numru ta' dokumenti li nġabru minn fuq il-bastiment, fosthom il-liċenzja navali tal-kaptan li turi kif huwa kkwalifikat li jbaħħar mhux aktar minn 30 mil nawtiku 'l bogħod mill-kosta.

Madanakollu, l-ekwipaġġ salva lill-immigranti fl-ibħra internazzjonali, jiġifieri ħafna aktar 'il barra mill-kosta Maltija jew Taljana.

Claus-Peter Reisch kien arrestat u interrogat mill-Pulizija ftit wara li l-bastiment iddaħħal Malta u tniżżlu minn fuqu 233 immigrant.

Il-kaptan ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta' €10,000. Kien ordnat ukoll li jorqod abbord il-bastiment biss u jiffirma fl-Għassa darba fil-ġimgħa. Intalab ukoll iħalli l-passaport tiegħu l-Qorti.

"Dan mhux akkużat kwalunkwe" - Id-Difiża

Reisch tressaq quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li mill-ewwel iddikjara li mhux se jkun qed jiddeċiedi skont jekk dawk salvati ħaqqhomx il-protezzjoni, iżda skont dak li jgħidu l-liġijiet marittimi.

Dan hekk kif ftit qabel, l-Avukat tad-Difiża Cedric Mifsud qal li Reish mhuwiex akkużat kwalunkwe waqt li fakkar li salva 234 immigrant.

Intant attivisti tal-missjoni Lifeline nġabru jipprotestaw quddiem il-Qorti, jisħqu li s-salvatġġ ta' persuni ma għandu qatt jitqies bħala reat.

'Jidher li l-awtoritajiet Olandiżi kienu jafu li l-bastiment kien qed jintuża għas-salvataġġ'

Il-prosekuzzjoni fakkret li l-irregolaritajiet jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni tal-vapur, li skontha mhijiex kif suppost tkun (ara aktar 'l isfel.) L-Ispettur Mario Haber insista li l-awtoritajiet Olandiżi kkonfermaw darbtejn li r-reġistrazzjoni tal-vapur kienet skorretta.

Intqal ukoll kif il-kaptan ippreżenta imejl, mibgħuta lilu mill-Ministeru għall-Ekonomija Olandiż li jidher li tikkonferma li l-awtoritajiet Olandiżi kienu jafu li l-bastiment kien qed jintuża biex isalva l-immigranti, minkejja li kien irreġistrat bħala bastiment għar-rikreazzjoni.

Kien f'dan id-dawl li d-difiża akkużat lill-prosekuzzjoni li qed tibbaża l-akkużi fuq dak li qalu l-awtoritajiet Olandiżi biss.

Il-Maġistrat Joe Mifsud quddiem il-Qorti
Il-Maġistrat Joe Mifsud quddiem il-Qorti

'Mhux każ ta' traffikar'

Il-prosekuzzjoni fakkret ukoll li dan huwa l-ewwel każ li fih il-Pulizija Maltija ressqet il-Qorti kaptan ta' bastiment li kien qed iġorr l-immigranti, waqt li insistiet li din mhijiex investigazzjoni dwar traffikar ta' persuni.

Meta mistoqsi mid-difiża jekk l-investigazzjoni hux qed issir minħabba l-interess li wriet il-midja internazzjonali, dlonk qabeż il-Maġistrat Joe Mifsud u insista li "alla ħares naslu f'punt li naġixxu minħabba l-pressjoni tal-midja."

L-Ispettur Haber serraħ ras id-Difiża u qal li l-prassi li ntużat fl-investigazzjoni dwar Lifeline hija l-istess waħda li ntużat ilbieraħ meta disa' immigranti daħlu Wied il-Għajn abbord dgħajsa żgħira u l-istess li saret kull meta kien hemm każ simili.

Il-Qorti għadha se tiddeċiedi x'tagħmel bil-bastiment

Sadanittant il-Qorti għadha qed tikkunsidra x'se tagħmel bil-bastiment li min-nhar il-Erbgħa qed jinżamm irmunkat l-Isla. Skont il-liġi, ekwipaġġ żgħir suppost jibqa' abbord il-bastiment iżda l-Qorti ddeċidiet li tillimita l-aċċess bil-għan li tippreserva l-evidenza.

Intant, il-Qorti ħatret lil Pierre Zammit Endrich u Martin Bajada bħala esperti biex jitilgħu abbord il-bastiment u jinvestigaw il-kontenut tiegħu u anke tal-kompjuters.

Iżda d-Difiża oġġezzjonat bil-qawwi għal dan waqt li saħqet li dan ma għandu xejn x'jaqsam mal-akkużi. Minkejja dan, il-Qorti fakkritha li din hija deċiżjoni li tieħu hi.

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

'Nittamaw li dan mhux sintomu tal-klima fil-Mediterran'

Intant, f'konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qorti, wara li l-kaptan intlaqa' b'ċapċip mill-attivisti, id-difiża baqgħet tinsisti li r-reġistrazzjoni tal-bastiment hija waħda valida.

L-avukati insistew li l-uffiċjal tal-investigazzjoni lanqas ikkomunika hu stess direttament mal-awtoritajiet Olandiżi. Saħaq li hu tkellem biss mal-awtoritajiet Maltin u kienu l-awtoritajiet Maltin li kkomunikaw mal-awtoritajiet Olandiżi.

Saħqu li jittamaw li dan il-każ mhuwiex sintomu ta' dak li qed jiġri fil-Mediterran, jiġifieri li l-Gvernijiet qed jagħlqu l-portijiet u fi kliemhom 'jattakkaw' NGOs li jaħdmu biex isalvaw il-ħajjiet.

Id-dubji dwar il-bastiment kienu ilhom li tqajmu...

Id-dubji dwar ir-reġistrazzjoni tal-bastiment tqajmu meta kien għadu bejn sema u ilma jistenna li jingħata permess biex jidħol f'port sigur. 

Il-kaptan kien ilu jisħaq li l-bastiment huwa rreġistrat l-Olanda, tant li l-NGO kienet ippubblikat dokumenti fuq Twitter biex turi dan. L-awtoritajiet Olandiżi kienu ċaħdu.

Apparti minn hekk, kemm il-Gvern Taljan u anke dak Malti, kienu qed jakkużaw lill-kaptan li injora struzzjonijiet mill-Italja u għalhekk kienu qed jinsistu li għandu jiġi arrestat malli l-bastiment jitħalla jidħol Malta.

Kemm Malta u anke l-Italja spjegaw li l-awtoritajiet Taljani kienu infurmaw lill-kaptan li l-gwardji tal-kosta Libjani kienu ħierġa biex isalvaw lil dawn l-immigranti. Madanakollu insistew li l-kaptan injora l-istruzzjonijiet u baqa' sejjer isalva l-immigranti qabel ma beda jbaħħar lejn l-Ewropa.

Kien f'dan id-dawl li akkużawh li kiser il-liġi, bil-Prim Ministru Joseph Muscat saħansitra jisħaq li s-sitwazzjoni ġabha b'idejh il-kaptan stess.

Iżda, sorsi li tkellmu mal-MaltaToday qalu li l-kaptan obda l-istruzzjonijiet kollha, ħlief l-ordni biex imur bl-immigranti lejn Tripli. Gruppi umanitarji u anke l-Ġnus Magħquda ma jqisux il-Libja bħala port sigur.

L-MV Lifeline dakinhar li daħal Malta | Ritratt James Bianchi
L-MV Lifeline dakinhar li daħal Malta | Ritratt James Bianchi

More in Qrati u Pulizija