Żewġ sewwieqa b’12-il punt…l-ebda liċenzja revokata

Kulħadd attent kif isuq ma jmurx jakkwista xi punt...imma qed taħdem dis-sistema ?

Mill-bidu ta’ Diċembru, kemm ilha li ġiet estiża għal kulħadd is-sistema tal-penali tal-punti, żewġ sewwieqa laħqu t-tnax-il punt iżda l-ebda liċenzja għadha ma ġiet revokata b’mod effettiv.

L-ILLUM staqsiet lil Transport Malta u anke lill-Aġenzija għas-Sistema tal-Infurzar Lokali (LESA) dwar l-andament ta’ din is-sistema u jekk hux qed tħalli r-riżultati mixtieqa.

Transport Malta spjegat kif f’inqas minn tliet xhur hemm żewġ sewwieqa li qed jirriskjaw li jitilfu l-liċenzja iżda bħalissa għadhom fiċ-ċans li jappellaw jew iressqu petizzjoni quddiem il-Bord tal-Petizzjonijiet.

Mistoqsija dwar ir-riżultati li qed tħalli din is-sistema, il-LESA spjegat kif bejn Diċembru tal-2016 u Jannar 2017 ingħataw 11,071 ċitazzjoni. Bejn Diċembru li għadda u Jannar ta’ din is-sena, ingħataw 9,443.

Dan ifisser li minn meta din is-sistema bdiet tapplika għal kulħadd u mhux għas-sewwieqa l-ġodda biss, ingħataw 1,628 ċitazzjoni inqas mill-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

Fi kliem il-LESA, din hija indikazzjoni ċara li s-sewwieqa qed joqgħodu aktar attenti, l-aktar f’dawk il-kontravenzjonijiet li hemm abbinati magħhom il-punti.

L-ILLUM tinsab infurmata li l-aktar kontravenzjoni li naqset hija dik marbuta mal-użu taċ-ċinga tas-sigurtá. L-aktar kontravenzjoni komuni hija marbuta mas-sewqan eċċessiv u jidher li l-ispeed cameras qed iwaħħlu ammont ta’ punti mhux ħażin.

Iżda matul dawn il-ġimgħat ma kienx kollox ward u żahar għal din is-sistema.

Sidien li jamministraw diversi vetturi kummerċjali, kif ukoll tal-kiri, ressqu diversi lmenti għax il-punti marbuta ma’ kontravenzjonijiet li wettqu impjegati jew klijenti tagħhom, bdew jakkumulaw fuq il-liċenzji tagħhom.

Meta vettura ma titwaqqafx, iċ-ċitazzjoni ma toħroġx fuq ix-xufier iżda fuq il-persuna li fuqha jkun hemm il-karozza rreġistrata. Kien għalhekk li diversi sidien bdew jispiċċaw jeħlu l-punti għal kontravenzjonijiet li ma jkunux wettqu.

Dwar dan il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji (GRTU) kienet ilmentat li s-sistema qed taffettwa b’mod inġust lis-sidien tan-negozji u kienet ħeġġet lill-Gvern  biex jindirizza dawn in-nuqqasijiet.

Madanakollu, id-Direttur Ġenerali  tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Assigurazzjoni kien kiteb fuq it-Times of Malta jinsisti li ma għandux ikun eċċezzjonijiet għas-sistema tal-punti tal-penali.

Biex jiġu indirizzati l-ilmenti li tressqu minn dawn is-sidien, li skont il-Ministeru jagħmlu parti mill-GRTU, il-LESA waqqfet sit (les.gov.mt) fejn persuna tista’ tirreġistra fl-e-services u b’hekk timmaniġġja portal personali tagħha tal-karozzi kollha li għandha rreġistrati fuq isimha.

F’dan is-sit, persuna tista’ tħallas ċitazzjoni, tissottometti petizzjoni, kif ukoll tkun infurmata fl-istess ġurnata b’SMS jew imejl li vettura rreġistrata fuq isimha qalgħet kontravenzjoni.

Dan l-istess sit għandu wkoll sessjoni fuq il-punti penali fejn persuna tista’ tniżżel dikjarazzjoni u tindika min kien is-sewwieq f’każi ta’ kontravenzjonijiet tal-ispeed cameras.

Stqarrija li kienet inħarġet mill-Ministeru tispjega kif din id-dikjarazzjoni tiġi ffirmata kemm minn sid il-vettura u anke mis-sewwieq u jekk dan jaċċetta li l-kontravenzjoni tinħareġ fuqu, il-punti penali jiġu trasferiti fuqu.

Fost affarijiet oħra, jekk vettura tkun mikrija għal tul ta’ żmien, is-sid jista’ jniżżel dikjarazzjoni mil-istess sit fejn tiġi indikata d-data minn u sa meta u lil min il-vettura ġiet mikrija. B’hekk, għal dak il-perjodu, kull kontravenzjoni tinħareġ fuq is-sewwieq direttament.

Fuq din is-sistema diġá hemm irreġistrati 25,000 persuna u skont il-Ministeru qed ikun hemm medja ta’ 385 reġistrazzjonijiet ġodda fil-ġimgħat.

Qabel l-1 ta’ Diċembru 2017, din is-sistema tal-punti kienet tapplika għas-sewwieqa l-ġodda, iżda issa tapplika għas-sewwieqa kollha.

Meta persuna tilħaq 12-il punt f’perjodu ta’ sena, il-liċenzja tiġi revokata. F’każ li l-liċenzja tas-sewqan tkun revokata għall-ewwel darba, is-sewwieqa jkunu mitluba jirritornaw il-liċenzja lil Transport Malta. Din tingħata lura xahrejn mid-data li l-liċenzja tkun ġiet ritornata, mingħajr ma jkun hemm bżonn tat-test tas-sewqan.

Iżda, meta l-liċenzja tkun revokata għat-tieni darba, f’perjodu ta’ tliet snin, is-sewwieqa jistgħu japplikaw għal liċenzja tas-sewqan wara xahrejn mir-revoka. F’dan il-każ, is-sewwieqa jkollhom jerġgħu jagħmlu l-eżami tas-sewqan mill-ġdid.

Meta s-sewwieqa jilħqu d-9 punti, jirċievu ittra li tinfurmahom bl-ammont ta’ punti li akkumulaw.

Fost l-aktar kontravenzjonijiet li jġibu magħhom l-aktar punti penali hemm każijiet ta’ hit-and-run, is-sewqan perikoluż, is-sewqan mingħajr liċenzja, l-użu tal-mowbajl waqt is-sewqan, użu ta’ earphones jew apparat ieħor li ma jħallikx tisma’ sew, il-veloċitá eċċessiva u s-sewqan taħt l-effett tal-alkoħol jew id-droga u oħrajn.

Kontravenzjonijiet oħra jwaħħlu lis-sewwieqa inqas punti iżda jistgħu jagħmlu differenza jekk ikunu magħduda ma’ kontravenzjonijiet oħra. Fost dawn hemm penali għal min jgħabbi l-karozza aktar milli suppost, għal min iħalli l-karozza maħmuġa jew mhux fi stat tajjeb, sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurtá u oħrajn u saħansitra anke min jisma’ l-mużika b’volum għoli ħafna.

More in Qrati u Pulizija