Omm tiffroda lill-Gvern €1,300 f'servizzi tas-saħħa

Hija tressqet il-Qorti akkużata li ffalsifikat dokumenti biex tieħu servizzi tas-saħħa b'xejn minn Mater Dei

Mara, li għadha kemm saret omm, tressqet il-Qorti akkużata li serqet lill-Isptar Mater Dei u lill-Gvern madwar €1,300 meta ffalsifikat dokumenti bil-għan li ma tħallasx għas-servizzi tas-saħħa.

L-Ispettur Yvonne Farrugia, ressqet quddiem il-Qorti lill-mara li għandha 34 sena, mis-Serbja u residenti San Pawl l-Baħar.

Fil-Qorti nstema’ kif il-mara ma taħdimx u hija omm ta’ tarbija ta’ 5 xhur.

Skont dak li ntqal fil-Qorti, il-mara applikat għall-permess tar-residenza u għall-impjieg meta kienet tqila, iżda qatt ma rrappurtat għax-xogħol.

Il-mara kienet akkużata li ffrodat lill-Mater Dei u lill-Gvern meta ddikkjarat li kienet taħdem u għalhekk intitolata għal servizz tas-saħħa b’xejn.

L-akkużata, alllegatament, iffalsifikat payslips bil-għan li ma tħallasx għas-servizzi tas-saħħa marbuta mat-tqala.

L-akkużi tagħha jinkludu frodi, użu ta’ dokumenti foloz u li għamlet dikjarazzjonijiet foloz quddiem awtorità pubblika.

Il-mara wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha u l-Avukat tad-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni ħeġġet lill-Qorti biex timponi kundizzjonijiet fuq l-akkużata biex jassiguraw li l-Pulizija jkunu jafu fejn tinsab

Il-Qorti ħelsitha mill-arrest fuq garanzija personali ta’  €5,000 u ordnatilha wkoll li tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija u li ma toħroġx f’ħinijiet partikolari.

More in Qrati u Pulizija